Saturday, December 21, 2024

BARBADOS U MALTA

Aqra wkoll

Dis-sena Barbados li ħadet l-indipendenza xi sentejn wara Malta, ma baqgħetx tirrikonoxxi lir-reġina Eliżabbetta tar-Renju Unit bħala kap tal-Istat. Saret repubblika. Bħal f’Malta, il-president tar-repubblika mhux se jkollu poteri eżekuttivi. Xorta, l-bidla timmarka trasformazzjoni  storika fil-mixja politika tal-pajjiż.

Biha r-referenzi politiċi u istituzzjonali jibdew ixaqilbu kważi f’kull settur tal-ħajja lejn affarijiet li jkunu qed jiġru fil-pajjiż. Jiddgħajfu referenzi oħrajn, li ftit ikollhom x’jaqsmu mal-qafas nazzjonali, ġejjin minn Londra.

Hu f’das-sens li tinbidel identità nazzjonali. Il-mod kif jixxettel id-diskors u kif jinftehmu l-problemi u l-isfidi jinbidel minn dak ta’ qabel żmien ir-repubblika.

Hekk ġara f’Malta u hekk se jiġri fil-Barbados, bla dubju ta’ xejn. Eżemplari l-mod kif id-dar renjanti f’Londra laqgħet din l-aħħar bidla, bil-Prinċep Charles jieħu sehem attiv fiċ-ċerimonji tal-bidla. Sadattant,  l-aktar ċaqliqa sinjifikattiva lejn republika li tista’ ssir għadha pendenti — dik tal-Awstralja.

***

IL-UNJINS FL-EWROPA

Hemm min qed isostni li bil-pandemija tal-Covid-19, il-unjins tal-ħaddiema fl-Ewropa komplew jitilfu mis-saħħa. Nissuspetta li aktar ma jiżdied ix-xogħol li jsir b’mezzi elettroniċi, aktar dil-ħaġa se tkompli tiġri anke jekk il-unjins qed jaraw kif jistgħu jippromwovu d-drittijiet tal-ħaddiema li jaħdmu hekk… bħal pereżempju, bid-dritt li barra minn ċerti ħinijiet, il-ħaddiema ma jistgħux jiġu mitluba jkunu lesti jaħdmu mid-dar bil-mezzi elettroniċi.

Ir-realtà hi li ħafna mill-unjins spiċċaw konċentrati fis-settur publiku. Anke hawn, l-ispazju għalihom qed jitnaqqar kontinwament. Spikkat l-istrateġija li biha ċerti gvernijiet jikkuntrattaw ma’ ditti privati biex iwettqu xogħol li qabel kien isir minn ħaddiema tal-gvern.

Kien interessanti ftit tal-jiem ilu, li ġurnal Ewropew li mhuwiex magħruf għal-lanja xellugija tiegħu, ippubblika bi prominenza artiklu fejn tfisser li l-unjins huma meħtieġa ħafna għat-tmexxija “razzjonali” u kalma tal-impriżi moderni.

***

POPULIŻMU U ABORT

Ħaġa stramba kemm it-teknika tal-populiżmu tintuża fil-kontroversji li jinqalgħu dwar l-abort. Filfatt kienu dawk ta’ kontra l-abort li bdew biha u qed ikunu l-gvernijiet tal-lemin estrem fl-Ewropa u fl-Istati Uniti li qed jaraw kif iwettqu t-tneħħija ta’ liġijiet li jippermettu l-abort waqt li jużaw lingwaġġ populist.

Imma maż-żmien, anke dawk li huma favur l-abort donnhom daħlu għall-istess logħba. Forsi qiesu li trid tiġġieled kontra n-nar billi tuża n-nar.

Ir-riżultat qed ikun li miż-żewġ naħat nisimgħu ta’ spiss argumenti esaġerati li jiġu preżentati skont formola li trid twassal lil kulħadd biex jagħżel bejn l-abjad u l-iswed.

Mentri s-suġġett hu wieħed li jiġma’ ġo fih ħafna sfumaturi u ma tistax tittrattah b’qies dommatiku li jbiegħed lil kulħadd minn kompromess raġunat.

Ekonomija

Sport