Thursday, March 28, 2024

Infezzjoni li ħallietu b’diżabilità ma waqqfitux milli jilħaq l-ambizzjoni tiegħu

Aqra wkoll

Kellu biss 15-il sena meta tfaċċatlu infezzjoni f’moħħu li ħallietu b’diżabilità. Minkejja din it-trawma, huwa qatt ma qata’ qalbu tant li llum qed imexxi kafetterija li tħaddem il-kunċett fejn perċentwal mill-flus imorru għall-għaqda mhux governattiva ta’ Jacob Survivors Malta li l-fondi li tiġbor imorru biex jgħinu familji li jkunu għaddejjin minn trawma. 

Din hi l-istorja ta’ Jacob Cachia, li ftit tal-jiem ilu rebaħ il-Premju Soċjetà Ġusta. Ħafna jqisu lil Jacob bħala motivatur kbir apparti l-mentalità pożittiva li jħaddan li mal-ewwel stajna ninnutawha f’intervista li dan il-ġurnal kellha miegħu. 

Huwa beda biex qalilna li jinsab sorpriż li rebaħ dan l-unur tant prestiġġjuż. “Naf li għamilt ħafna ġid man-nies ta’ madwari speċjalment dawk li qegħdin ibatu minħabba xi ħaġa jew oħra. Meta ħabbru ismi kelli ċertu ansjetà u fl-istess ħin ftit stajt nemmen li dik il-persuna kellu nkun jien. Madankollu nistqarr li ninsab kuntent u sodisfatt b’dak li rnexxieli nikseb u rikonoxximent ta’ dak li qed nagħmel sabiex ngħin lil ħaddieħor.

Saqsejna lil Jacob sabiex jiddeskrivilna t-tfulija tiegħu. Hu qalilna li sa minn meta kien żgħir, kellu karattru ferm riservat, tifel kwiet, mistħi u ftit kien joħroġ mid-dar. Hu kien kuntent jibqa’ f’dik li bl-Ingliż insejħulha comfort zone u għalhekk kien iqatta’ ħafna ħin jilgħab logħob elettroniku. B’xorti ħażina, tmien snin ilu, eżattament fis-sena 2013, it-tobba qalulu li tfaċċatlu infezzjoni f’moħħu li ħallietu b’diżabbiltà. Dan iż-żmien għalih kien ukoll wieħed fejn tgħallem ħafna u fejn ħajtu nqalbitlu ta’ taħt fuq u ġabitu għall-persuna li hi llum.

Dwar kif nibtet l-idea li joħloq grupp, huwa qal li: “kollox beda minn tazza kafe li konna qed nieħdu bejnietna l-ħbieb. Iltqajt ma’ persuni li għaddew minn ħafna għawġ fil-ħajja b’mod partikolari fejn għandu x’jaqsam saħħithom. Kien hawn li ġietni l-idea li noħloq dan il-grupp li fih ikollna ħafna soċjalizazzjoni filwaqt li flimkien naqsmu l-esperjenzi li mhux dejjem ikunu sbieħ. Barra minn hekk, wieħed jagħti kuraġġ lil ieħor u dan iservi sabiex jkompli jaffaċċja l-ħajja bl-aħjar mod possibbli.

Jacob huwa magħruf ma’ ħafna bħala The Titanium Man tant li ommu Sarah ġiet ispirata minn dan l-isem u kitbet ktieb dwaru. Dan il-laqam joqgħod sew għal Jacob li rebaħ battalja kbira u li qed ikompli jispira lin-nies bil-kuraġġ ta’ sur li għandu. 

“Ommi Sarah xtaqet tikteb dan il-ktieb fuq dak li ġrali tmien snin ilu. Hi kellha l-objettiv li tagħti kuraġġ lil min għaddej f’din is-sitwazzjoni u kif din l-ispirazzjoni waslet għall-grupp Survivors Malta li jagħti spazju lil dawk in-nies li jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jkollhom il-motivazzjoni jibqgħu sejrin.”

Saqsejna lil Jacob Cachia jekk ġieli għaddilux minn moħħu li jsaqsi lil Alla r-raġuni li kellu jkun hu li jgħaddi minn dan l-imrar tal-ħajja. “Le qatt m’għaddietli minn moħħi li nsaqsi dawn il-mistoqsijiet. Anzi jien nirringrazzja lil Alla li tani ċans ieħor fil-ħajja u li ħallieni ngħix sabiex nagħmel il-ġid lil ħaddieħor.”

U kif jara lilu nnifsu Jacob għaxar snin oħra? Hu weġibna b’mod skjett fejn qal li l-objettiv ewlieni tiegħu hu dak li jipparteċipa fil-logħob paralimpiku fid-dixxiplina tal-għawm. F’dan ir-rigward, se jkun qed jagħmel minn kollox sabiex jasal għal dan l-għan. 

Skont Jacob, l-għawm jgħinu ħafna sabiex jaqta’ ftit mill-ħajja ta’ kuljum u l-istress li xi kultant iġġib magħha. Meta jkun qed jgħum, hu jnaqqas ħafna mill-ansjetà li jkollu filwaqt li jħossu f’dinja oħra. Xi kultant hu jkollu jgħum b’id waħda minħabba li l-id l-oħra mhux dejjem ikun jista’ jużaha minħabba kwistjoni ta’ saħħa.

Tlabna lil Jacob sabiex jgħaddu messaġġ ta’ inkoraġġiment lil dawk iż-żgħażagħ jew persuni li għaddejjin minn mumenti ta’ tbatija. “Importanti li wieħed iħares lejn il-lenti pożittiva anke jekk ix-xkiel u l-problemi dejjem ġejjin. Jien dejjem imxejt lejn din il-mentalità li tgħinek sew sabiex tiġġieled il-battalja. U dan kollu jgħin ukoll lin-nies ta’ madwarek għax huma stess ikunu diġa’ qegħdin ibatu biżżejjed minn dak li jkun għaddej il-maħbuba jew il-maħbuba tagħhom.”

Fuq kollox, il-fidi lejn Alla hi importanti fejn minkejja kull inkwiet u problemi, Hu kien miegħu u kien qed iħarsu minn hemm fuq sabiex Jacob ikompli jgħix u jkun ta’ ispirazzjoni għall-ħaddieħor.

Finalment Jacob xtaq jirringrazzja lil xi persuni li kienu miegħu fil-mumenti tant iebsin tal-ħajja u s-sabiħ li għaddej minnu bħalissa. “Nixtieq nirringrazzja lill-familja tiegħi li dejjem tawni kuraġġ li nagħmel dak li nixtieq f’ħajti u fl-affarijiet li ngħaddi minnhom. Nerġa’ ntenni, nixtieq li kulħadd iħares lejn il-ħajja b’mod pożittiv u jara li jagħmel azzjoni żgħira jew kbira fis-soċjetà biex ikollna soċjetà aħjar milli kellna issa u mill-passat hawn Malta.”

Ekonomija

Sport