Tuesday, June 9, 2026

Il-Malta Bankers’ Association tikkonferma mill-ġdid lil Kenneth Farrugia bħala Chair wara l-Laqgħa Ġenerali Annwali

Aqra wkoll

Il-membri tal-Malta Bankers’ Association (MBA) iltaqgħu għall-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Assoċjazzjoni fis-7 ta’ Mejju, fejn wara elezzjoni, iċ-Chair attwali Kenneth Farrugiaħ ġie ikkonfermat mill-ġdid fil-kariga filwaqt li Gino Farrugia ġie elett bħala Deputy Chair għat-terminu li ġej ta’ sentejn. 

Kenneth Farrugia huwa l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta u ilu jservi bħala Chair tal-MBA mill-2024. Id-Deputy Chair il-ġdid, Gino Farrugia, huwa l-Viċi Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Lombard Bank Malta plc u ilu nvolut b’mod attiv fil-ħidma tal-Assoċjazzjoni għal numru ta’ snin. Huwa serva bħala membru supplenti fuq il-Bord tal-MBA f’isem Lombard Bank, u qabel dan kien President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-MBA ta’ dak iż-żmien. Wara l-ħatra tiegħu, Gino Farrugia qal li jħares ’il quddiem biex jaħdem mill-qrib ma’ Kenneth Farrugia u mal-membri tal-MBA sabiex l-Assoċjazzjoni tkompli żżomm djalogu attiv mal-partijiet interessati kollha u twassal riżultati li jkunu ta’ benefiċċju kemm għall-memberi tagħjha kif ukoll għall-komunità usa’ li taqdi l-industrija. 

Dawn il-ħatriet jiffurmaw parti mill-istruttura ta’ governanza tal-MBA, li tinkludi wkoll numru ta’ kumitati speċjalizzati u gruppi ta’ ħidma li jappoġġjaw il-ħidma kontinwa tal-Assoċjazzjoni fis-settur bankarju u fis-settur usa’ tas-servizzi finanzjarji. 

F’kumment wara l-Laqgħa Ġenerali Annwali, Kenneth Farrugia rringrazzja lill-membri tal-MBA tal-fiduċja li reġgħu urew fih billi kkonfermawh għal mandat ieħor ta’ sentejn filwaqt li enfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni kontinwa madwar l-industrija kollha. Huwa stqarr: “Is-saħħa tas-settur bankarju Malti tinsab fil-kapaċità tiegħu li jaġixxi b’mod kollettiv biex jappoġġja ambjent ta’ servizzi finanzjarji stabbli, reżiljenti u orjentat lejn il-futur. L-MBA tibqa’ impenjata li trawwem involviment kostruttiv mar-regolaturi, l-istituzzjonijiet u l-partijiet interessati, filwaqt li tkompli ssaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-banek membri fuq kwistjonijiet ta’ interess u importanza komuni.”

Is-Sur Farrugia żied jgħid li l-Assoċjazzjoni se tkompli jkollha rwol attiv fid-dikussjonijiet u l-inizjattivi li jsawru l-futur tas-settur. “Se nkomplu nikkontribwixxu għal dibattiti dwar il-litteriżmu finanzjarju, it-trasformazzjoni diġitali u s-sostenibbiltà, filwaqt li nappoġġjaw inizjattivi mmirati biex iqajmu kuxjenza pubblika dwar scams finanzjarji, il-prevenzjoni tal-frodi u r-riskji taċ-ċiberkriminalità. Dawn jibqgħu prijoritajiet ewlenin kemm għas-settur bankarju kif ukoll għall-komunità usa’ li naqdu.” 

Il-Laqgħa Ġenerali Annwali serviet ukoll bħala opportunità għall-membri biex jirrevedu l-iżviluppi li affettwaw is-settur bankarju matul is-sena li għaddiet, kif ukoll il-ħidma mwettqa mill-MBA f’dan il-perjodu. Dan inkluda l-involviment kontinwu tal-Assoċjazzjoni mal-partijiet interessati kemm fuq livell lokali kif ukoll Ewropew, flimkien ma’ diskussjonijiet dwar il-prijoritajiet u l-oqsma ta’ fokus għax-xhur li ġejjin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport