Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia nediet spazju mużikali fis-sede tal-Għaqda Każin Banda San Filep A.D 1851.
B’investiment ta’ €20,000 dan il-proġett se jtejjeb il-kwalità tat-tagħlim tal-mużika u se joħloq spazju lill-istudenti għall-espressjoni mużikali tagħhom.
Minn dan il-proġett se jkunu qed jibbenefikaw għexieren ta’ studenti tal-mużika hekk kif kull sessjoni se takkomoda mal-25 student. L-ewwel grupp ta’ studenti tal-mużika li se jużaw din is-sala se jkunu qed jiggradwaw u jibdew jdoqqu l-istrument tagħhom fis-snin li ġejjin.
Il-Ministru Farrugia spjegat li dan l-investiment — ‘Indoqqu Flimkien: Spazju għal Ensemble Mużikali fil-qalba tal-komunità’ — kien iffinanzjat permezz tal-Voluntary Organisations Project Scheme (VOPS) tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat.
F’diskors tal-okkażjoni l-Ministru Farrugia qalet li dan il-proġett jissimbolizza l-vjaġġ ta’ kontinwità tal-Gvern f’għajnuna lill-volontarjat li kien, għadu u se jibqa’ ċentrali fil-ħidma tal-Gvern.
Il-Ministru Farrugia faħħret l-inizjattiva tas-soċjetà mużikali u ta’ dawk l-għaqdiet u soċjetajiet kollha li jġibu flimkien liż-żgħażagħ, tfal u anke eluf ta’ persuni f’ħidma u dedikazzjoni li tvarja minn armar, għall-piroteknika, mużika u anke l-organizzazzjoni ta’ diversi attivitajiet komunitarji.
Il-Ministru Julia Farrugia temmet tirrimarka li “Din is-sena hija proprju ddedikata għall-volontarjat u kif għamilna fl-aħħar snin se nkunu qed inkomplu ninvestu fil-mijiet ta’ għaqdiet volontarji li qed jagħmlu l-kwalità tal-ħajja ta’ tant familji u individwi aħjar, minn persuni b’diżabilità, għal dawk li jagħmlu tant ġid fil-komunità.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) Mauro Pace Parascandalo, qal li “Ta’ min isemmi li l-Banda San Filep mhijiex l-ewwel darba li qed tagħmel użu mill-fondi tal-Kunsill. Dan isir b’mod għaqli sabiex tittejjeb l-esperjenza mużikali u soċjali, u jixhed għaqda ħajja li dejjem qed tara kif ser issaħħaħ ix-xogħol tagħha fil-komunità.”
Il-President tas-Soċjetà Mużikali Banda San Filep Dr Philip Sciortino iddeskriva dan l-ispazju ġdid bħala wieħed prezzjuż u aċċessibbli għal kulħadd, fil-qalba ta’ Ħaż-Żebbuġ li se jwassal biex aktar tfal jitgħallmu l-mużika f’ambjent aħjar flimkien.
Il-proġett tar-restawr tal-kamra kien jinvolvi tikħil u żebgħa neċessarja, acoustic treatment sabiex jgħin lill-istudenti jikkonċentraw mingħajr distrazzjonijiet, u anki vetrina apposta sabiex ġo fiha jkunu jistgħu jitqiegħdu l-istrumenti u l-kotba li jintużaw għat-tagħlim. Kien hemm ukoll attenzjoni għall-kuluri, id-dawl, u l-organizzazzjoni tal-ispazju sabiex jinħolqu b’tali mod li jistimulaw il-kreattività u l-imħabba għall-mużika.
Din hija inizjattiva mmexxija mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat. Aktar informazzjoni dwar din u inizjattivi oħra tal-Kunsill minn maltacvs.org.


