Minn Cristian Muscat
Għajnsielem FC ħabbru li ntlaħaq ftehim ma’ Xavier Saliba biex isir il-Kowċ il-ġdid tal-Akkademja tal-Klabb.
Xavier għandu Liċenzja A tal-UEFA u jġib miegħu esperjenza siewja miksuba kemm fil-livelli tal-youths kif ukoll tal-kbar. Matul il-karriera tiegħu bħala kowċ, huwa ħadem ma’ San Ġwann FC, fejn kellu rwol importanti fl-iżvilupp ta’ plejers żgħażagħ filwaqt li kiseb ukoll esperjenza fl-ambjent tat-tim tal-kbar.
Fi stqarrija, Għajnsielem FC qalu li l-Klabb huwa kunfidenti li l-għarfien, il-professjonaliżmu u l-passjoni ta’ Xavier għall-iżvilupp taż-żgħażagħ se jkunu ferm siewja għall-Akkademja, hekk kif ikomplu jsaħħu l-impenn tagħhom li jiżviluppaw talent żagħżugħ u jipprovdu l-aħjar ambjent possibbli għall-plejers tagħhom.
Huma laqgħu lil Xavier fil-familja ta’ Għajnsielem FC u awgurawlu kull suċċess fir-rwol il-ġdid tiegħu.
Intant, dan is-sit għamel kuntatt ma’ Xavier Saliba nnifsu fejn tana iktar dettalji rigward kif qed iħares lejn dan ir-rwol ġdid tiegħu.
Fi kliemu: “Qed inħares lejn din l-esperjenza b’ottimiżmu kbir, kemm fuq il-livell tal-iskwadra tal-kbar kif ukoll fuq il-livell tal-akkademja.”


