Tuesday, June 9, 2026

‘Il-ħolma tiegħi dejjem kienet, u se tibqa’, li xi darba jkolli l-opportunità li nirrappreżenta lil pajjiżi fuq livell internazzjonali’ – Andriy Pisani

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet meta kelli erba’ snin u kont immur għat-taħriġ ma’ sħabi fl-Akkademja ta’ Hibernians FC. Minn hemm ‘il quddiem, qatt ma ħarist lura! 

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Kalkara United FC.

L-esperjenza tiegħi ma’ Kalkara United FC bdiet seba’ snin ilu meta kont għadni t- tieni sena minors tiegħi. Dan il-klabb ifisser ħafna għalija għaliex nofs ħajti qattajtha l-Kalkara man-nanniet tiegħi u n-nannu (li m’għadux magħna) dejjem xtaqni nkun parti minn din l-iskwadra u dejjem kien jiġi jarani kull logħba. Minn dakinhar li jien dħalt f’dan it-tim dejjem tajt kollox għall-klabb għax inħossni qed nilgħab għal pajjiżi avolja jien m’inix minn hemm. Preżentement, ninsab kuntent ħafna fl-iskwadra tal-kbar. Issa li ilni sitt snin nitħarreġ dejjem magħhom drajt ir-rwol tiegħi u dejjem nagħmel minn kollox biex nagħti sehemi għal dan it-tim. 

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?

Naħseb li l-istaġun li għadda jitkellem waħdu. Mill-bidu nett ir-riżultati kienu favurina u t-tim dejjem ħadem b’dedikazzjoni lejn objettiv wieħed. Kien hemm ħafna sagrifiċċji u impenn minn kulħadd, u l-fatt li rnexxielna nilħqu l-mira tagħna erba’ logħbiet qabel tmiem il-kampjonat juri kemm konna konsistenti u magħqudin bħala tim.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Il-livell dejjem qed jiżdied fil-preżent. Ovvjament dejjem jista’ jkun aħjar imma dawn l-affarijiet jieħdu ħafna ħin u jrid jiġi mingħand kulħadd u mhux minn plejer wieħed biss imma minn tal-madwar kollu. 

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Il-grawnds huma li huma sfortunatament. Ħafna grawnds jistgħu jkunu aħjar u iktar addattati għall-plejers imma nista’ ngħid li xogħol sar ftit biex jirranġaw dawn l-affarijiet iżda xorta għadhom lura. Il-grawnd fejn nitħarrġu aħna l-istess jonqsu ftit xogħol biex ikun aħjar imma għallinqas għandna kollox li nixtiequ. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Il-ħsieb tiegħi hu li nibqa’ naħdem bis-serjetà biex inkompli nitla’ fil-livelli tal-futbol Malti u nkompli niżviluppa bħala plejer. S’issa nħossni kburi b’dak li rnexxieli nikseb, speċjalment il-fatt li għalaqt il-100 dehra tiegħi ma’ Kalkara United, tragward li għalija jfisser ħafna għax huwa xhieda ta’ lealtà, perseveranza u impenn lejn il-klabb.

Matul is-snin kelli x-xorti nagħti l-kontribut tiegħi kemm ġewwa kif ukoll barra l-grawnd, u nkun parti minn żewġ promozzjonijiet, waħda minnhom bħala Champions.

Barra minn hekk, qabel it-tim tal-kbar lgħabt 51 partita mat-tim tal-Minors, esperjenza li għenitni nikber bħala plejer u bħala persuna. Madankollu, inħares lejn dawn il-kisbiet bħala motivazzjoni biex inkompli naħdem aktar.

Il-ħolma tiegħi dejjem kienet, u se tibqa’, li xi darba jkolli l-opportunità li nirrappreżenta lil pajjiżi fuq livell internazzjonali. Naf li dan jitlob ħafna sagrifiċċju u dedikazzjoni, iżda se nibqa’ nagħti l-aħjar tiegħi biex nilħaq din il-ħolma.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Biex tagħmel suċċess fil-futbol irid ikollok mentalitá tajba ħafna li int jiġri x’jiġri dejjem tqum minn kull intopp u tibqa’ taħdem għalik innifsek. Ħa ssib ħafna min jipprova jagħmillek il-ħsara u ma tridx tħallihom jaqtgħulek qalbek għax fl-aħħar mill-aħħar qed tagħmel il-ħaġa li tħobb! Żomm f’rasek li int tista’ tagħmel kollox li toħlom għalih u jkollok suċċess żgur! 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport