Il-ġurnalist tal-Financial Times, Simon Kuper, kiteb f’pubblikazzjoni tal-ktieb tiegħu li, fl-2020, membru ta’ Barcelona allegatament ipprova jxaħħam uffiċjal tal-UEFA biex jinvestiga l-kotba finanzjarji ta’ Paris Saint-Germain u Manchester City … ‘l hekk imsejħa clubs tal-istat.
F’kapitlu li ngħata l-isem “The Barca Complexity. The Rise and Fall of the Club that Built Modern Football”, Kuiper akkuża lill-club Katalan b’tixħim lill-UEFA biex iż-żewġ clubs imsemmija jiġu investigati fuq il-Financial Fair Play.
Il-fatti jmorru lura għal Frar 2020. Waqt ikla, l-imsemmi membru tal-club Katalan kien allegatament ma’ uffiċjal tal-UEFA fejn dan qallu:
“Hemm xi ħadd fid-dipartiment tal-Financial Fair Play tal-UEFA li nistgħu nħallsu biex jinvestigal lil Paris St Germain u lil Manchester City?”
Preċiżament, Manchester City u Paris Saint-Germain dejjem kienu taħt il-mikroskopju għall-’Financial Fair Play’, fejn ġew ukoll kkritikati f’ħafna okkażjonijiet, iżda qatt ma ġew sanzjonati uffiċjalment.
La Liga saħansitra ddenunzjat lil Paris Saint-Germain, wara li l-club Franċiż seta’ jġedded il-kuntratt ta’ Kylian Mbappe biex dan ma ngħaqadx ma’ Real Madrid.
Dwar Manchester City, huma ġew akkużati li żiedu l-kuntratti ta’ reklamar u sponsorizzazzjoni, preċiżament fl-istaġun 2020-21.
Qabel, is-Citizens ġew sanzjonati mill-UEFA b’sospensjoni ta’ sentejn miċ-Champions League, iżda l-CAS reġġa’ kollox lura.