Thursday, November 14, 2024

Barella u Bonucci mhux se jilagħbu kontra Malta

Aqra wkoll

L-Italja għandhom iktar problemi ta’ players imweġġa’ għal-logħba ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2024 tal-Ħadd li ġej kontra Malta, hekk kif Nicolo Barella u Leonardo Bonucci marru lura mal-clubs tagħhom.

L-Azzurri fetħu l-kampanja ta’ kwalifikazzjoni tagħhom b’telfa ta’ 2-1 f’darhom kontra l-Ingilterra fi Stadio Diego Armando Maradona ta’ Napli.

Barella spiċċa barra waqt it-tieni taqsima, wara li ġie ffawljat minn Harry Maguire fil-bini tal-goal tal-Arġentin, Matteo Retegui, li kien qed jiddebutta għat-team ta’ Roberto Mancini.

F’dak l-inċident il-midfielder ta’ Inter irċieva daqqa ta’ sieq fil-parti ta’ fuq tas-siequ, li rriżultat f’karta safra għal Maguire, u għalhekk mhux se jiġi rriskjat għal-logħba kontra Malta f’Ta’ Qali li tibda fid-8.45 pm.

Bonucci lanqas kien fuq il-bank tas-sostituti f’Napli minħabba tħassib dwar il-fiżika tiegħu u d-difensur ta’ Juventus intbagħat lura Turin kmieni mid-dmirijiet internazzjonali.

Mancini kien diġa’ kellu neqsin bosta ismijiet ta’ stilel għal dawn il-partiti, fosthom Federico Chiesa, Ciro Immobile, Alessandro Bastoni, Federico Dimarco u Giacomo Raspadori.

Huwa mistenni jagħmel xi bidliet għal-logħba f’Malta speċjalment meta wieħed jikkonsidra l-wirja fqira tal-ewwel taqsima mal-Ingilterra, hekk kif Willy Gnonto, Sandro Tonali u Matteo Politano kollha għamlu impatt meta daħlu bħala sostituti.

Ekonomija

Sport