Saturday, November 23, 2024

Bayern Munich umiljati minn Borussia Moenchengladbach

Aqra wkoll

Bayern Munich sofrew l-akbar telfa tagħhom mill-1978 hekk kif ġew umiljati  minn Borussia Monchengladbach bl-iskor ta’ 5-0 fit-tieni rawnd tat-Tazza Ġermaniża.

Il-Gladbach fetħu l-iskor wara żewġ minuti u sal-21 minuta fetħu vantaġġ ta’ 3-0. 

Kouadio Kone skorja l-ewwel gowl tiegħu għall-klabb qabel ma Ramy Bensebaini kkonkluda mill-cross ta’ Jonas Hofmann u mbagħad skorja penalty.

Breel Embolo approfitta minn żball difensiv għar-raba’ u mbagħad skorja t-tieni personali minn pass ta’ Luca Netz.

“Ninsab assolutament ixxukkjat. Sempliċement il-players ma dehrux,” qal id-direttur sportiv ta’ Bayern u eks plejer Hasan Salihamidzic.

“Aħna ma konniex hemm. Ma rbaħniex tackle jew ballun wieħed fl-ewwel taqsima kollha.

“Dak kollu li seta’ mar ħażin mar ħażin. Mingħajr tlaqliq l-avversarji kienu ħafna aħjar minna.”

Borussia skorjaw ħamsa mis-sitt xuttijiet tagħhom – b’Bayern ikollhom aktar pussess u aktar tentattivi iżda mingħajr suċċess.

Kienet biss it-tieni telfa  għal Bayern, li niżlu għal din il-partita bl-aqwa formazzjoni possibbli fejn saħansitra temmew ukoll sensiela ta’ skor f’85 logħba konsekuttiva.

Il-coach Julian Nagelsmann kien indispost minħabba li kellu jiżola ruħu wara li rriżulta pożittiv għall-Covid-19. 

Kien 43 sena ilu li Bayern tilfu l-aħħar logħba b’marġni ta’ ħames goals meta Fortuna Dusseldorf għelbuhom 7-1 fil-Bundesliga.

It-telfa rekord tagħhom tibqa’ telfa 7-0 f’darhom kontra Schalke fil-kampjonat  fl-1976 – iżda din hija l-akbar telfa tagħhom f’kompetizzjoni li rebħu rekord  għal 20 darba.

Sport