Il-Qorti tiddikjara li mara ppużat ta’ investigatur u approfittat mid-disprament li kien fih il-missier
L-istorja ta’ ħtif ta’ tifel li seħħet ftit snin ilu, liema tifel kien inħataf minn ommu fl-Islovakkja, wasslet biex ġie stabbilit li mara li kienet ippużat ta’ investigatur privat speċjalizzata fi ħtif ta’ tfal, ma kinitx liċenzjata biex taħdem bħala investigatur bil-Qorti tiddikjara li hi għamlet kuntatt mar-raġel u approfittat mid-disprament li kien fih biex isib u jġib lura lil ibnu. Din il-mara, li kienet qaltlu li hi investigatur privat, lanqas kienet telgħet mar-raġel meta sar jaf li l-mara kienet ġiet lokalizzata fil-fruntiera mal-Belarus.
Il-Qorti qalet li l-mara mhux biss għamlet rappreżentazzjonijiet foloz dwar il-kredenzjali tagħha bħala investigatur privat speċjalizzata fuq ħtif ta persuni iżda għamlet dan biex tagħmel qligħ bi ħsara tiegħu. Il-Qorti qalet li l-mara approfittat ruħha mill-vulnerabbilità ta’ Anthony Busuttil.
Issemma’ mix-xhieda tal-qorti li waqt laqgħa ma’ din il-mara, hija qaltlu li se ssiblu t-tifel, ħarġitlu flixkun tal-whisky u ferrgħetlu grokk wara grokk u talbitu €70,000. Hu offrielha €20,000 minflok u filwaqt li hi aċċettathom, il-persuna li kien hemm magħha – l-istess waħda li kienet ġabret il-bagalja u l-pagament ta’ €5,000 – qaltlu “mhux issa jiġi għada u tinsa kollox”.
Kif bdiet l-istorja?
Kien fl-aħħar ta’ Novembru tas-sena 2015 meta Larissa Leontieva, is-sieħba ta’ Anthony Busuttil, kienet serqet it-tifel minuri tagħhom waqt li l-familja kienet fuq btala ġewwa r-Repubblika Ċeka.
Il-każ ġie mxandar fuq il-mezzi lokali tax-xandir u kif Anthony Busuttil wasal lura Malta, Grace Gatt kienet għamlet kuntatt miegħu fejn offrietlu s-servizzi tagħha bħala investigatur privat speċjalizzata f’każijiet ta’ ħtif ta’ persuni.
Sadanittant, Anthony Busuttil inkariga avukat biex iniedi l-proċeduri quddiem il-Qrati Maltin biex jingħata l-kura u kustodja tat-tifel minuri u effettivament ingħata digriet li akkorda l-kura u kustodja esklussiva tal-minuri lill-missier.
Jirriżulta wkoll illi Dr. Edward Debono qabbad lil Anthony Busuttil ma’ Dr. Chris Frendo – li qabel kien Spettur tal-Pulizija – u dan tal-aħħar kien tela’ Praga fl-aħħar jiem ta’ Diċembru tas-sena 2016 biex jibda jaħdem fuq il-każ tat-tifel.
Anthony Busuttil qabbad ukoll żewġ avukati barranin biex jinbeda l-proċess ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Islovakkja taħt il-Hague Abduction Convention2 u mar Praga flimkien ma’ Dr. Edward Debono biex jiltaqa’ magħhom.
Bl-intervent ta’ Dr. Chris Frendo tqabbad ukoll tim ta’ investigaturi privati barranin (Cari Network) li bdew jaħdmu fuq il-każ u jsegwu l-movimenti ta’ omm it-tifel barra minn Malta.
Fit-13 ta’ Jannar tas-sena 2016 Anthony Busuttil ta prokura lill-imputata sabiex tirrappreżentah f’kull ħaġa li għandha x’taqsam mal-ħtif ta’ ibnu u biex tidher għalih quddiem qrati lokali u barranin fir-rigward, fost materji oħrajn.
Lejn l-aħħar ta’ Jannar tal-istess sena, bil-ħidma tat-tim ta’ investigaturi privati barranin, bl-intervent tal-Ambaxxatur Malti fil-Polonja u bil-kollaborazzjoni tal-Pulizija u awtoritajiet oħra barranin, l-omm ġiet rintraċċjata u twaqqfet milli taqsam il-fruntiera bejn il-Polonja u l-Belarus biex finalment it-tifel inġieb lura Malta minn Anthony Busuttil u Dr. Chris Frendo.
Anthony Busuttil xehed hekk b’referenza għas-servizzi li offrietlu l-mara, li “qaltli … li qiegħda l-Karibew fuq xi ħtif ta’ tifel li irnexxilhom josservawh biex iġibuh lura, ma nafx liema pajjiż, ma kienx Malti, u qaltli wkoll biex nidħol fuq skype. Qaltli li hi investigatur privat u li hi tajba ħafna. Tagħtni xi numru ta’ telefon ta’ xi persuna illum il-ġurnata insejt min hi biex inċempillu insaqsiha fuqha … ċempilt kont jiena jiġifieri. … Dħalt fuq skype u kienet tikkuntattjani ħinijiet l-aktar filgħaxija ta’ Malta … u titkellem miegħi, dak iż-żmien kont veru b’xokk kbir, ġej minn barra tlift it-tifel tiegħi u bdiet tgħidli kemm hi kapaċi etc etc etc.”.
Qal li meta talabha kemm ser tiġi tiswih biex it-tifel jinġieb lura Malta, semmietlu l-prezz ta’ €3,000. Sokta jixhed li meta semma li kellu bagalji b’xi dokumenti tas-sieħba tiegħu Larissa Leontieva, l-imputata offriet li tibgħat lil xi ħadd biex jiġborhom ħalli teżaminahom u insistiet li tagħmel dan minkejja li hu kien qalilha li d-dokumenti ma fihom xejn. L-imputata bagħtet waħda mara biex tiġbor il-bagalja u riedet ukoll is-somma ta’ €5,000 f’kontanti iżda Anthony Busuttil xehed li
huwa insista li jħallas permezz ta’ cheque, liema cheque ġie intestat fuq talba tagħha f’isem kumpanija u ngħata lill-mara li ġiet tiġbor il-bagalja bid-dokumenti.
Anthony Busuttil qal ukoll li meta kien jipprova jsaqsi lil din il-mara x’informazzjoni x’setgħet ħadet mid-dokumenti, huwa baqa’ mingħajr ebda risposta serja u fehem li din kienet qed tevitah. Huwa spiċċa talabha l-bagalja bid-dokumenti lura iżda ma ħa l-ebda informazzjoni mingħandha u d-dokumenti li kien hemm fil-bagalja kienu jidhru li lanqas intmessu.
Xehed ukoll li dak iż-żmien, Dr. Edward Debono introduċih ma’ Dr. Chris Frendo u laqqagħhom ma’ din il-mara, filwaqt li fil-Milied Dr. Chris Frendo mar Praga biex jagħmel stħarriġ dwar fejn seta’ kien jinsab it-tifel. In segwitu huwa kien mar Praga flimkien ma’ Dr. Edward Debono iżda l-imputata ma marritx magħhom għax qalet li trid taħdem waħedha. Hu xehed li kellu laqgħa oħra mal-imputata fid-dar ta’ ommha n-Naxxar liema laqgħa saret f’waqt meta skont hu, kien diġa’ qata’ qalbu minn din il-mara u kien inkwetat ħafna għax ma kienx għadu nstab it-tifel.
Waqt din il-laqgħa hija qaltlu li ser issiblu t-tifel, ħarġitlu flixkun tal-whisky u ferrgħetlu grokk wara grokk u talbitu €70,000. Huwa offrielha €20,000 minflok u filwaqt li hi aċċettathom, il-persuna li kien hemm magħha – l-istess waħda li kienet ġabret il-bagalja u l-pagament ta’ €5,000 – qaltlu “mhux issa jiġi għada u tinsa kollox”.
Hu kien effettivament għadda lill-mara s-somma ta’ €10,000 f’kontanti għax hekk ridithom u kien qalilha li l-bilanċ jgħaddihulha qabel tiġi biex issiefer biex tfittex lit-tifel. Meta Dr. Chris Frendo qallu li l-mara kienet tatu x’jifhem li hija riedet teħodlu l-flus u tgħaddih biż-żmien, huwa ċempel lill-mara, infurmaha li mhux ser juża s-servizzi tagħha u talabha lura l-flus li kien għaddielha – ħaġa li hi rrifjutat li tagħmel – u dak kien l-aħħar kuntatt li kien hemm bejniethom.
Meta xehdet volontarjament u minn jeddha quddiem il-Qorti, il-mara kkonfermat il-kontenut tal-istqarrija li kienet irrilaxxat lill-Pulizija waqt l-interrogazzjoni tagħha. Hemmhekk hija stqarret li kienet hi li għamlet kuntatt ma’ Anthony Busuttil meta kienet barra minn Malta u dan għax kienet qrat dwar il-każ tal-ħtif tat-tifel tiegħu u riedet tassistih fl-isforzi tiegħu biex iġib it-tifel lura Malta. Qalet ukoll li tatu parir biex japplika taħt il-Hague Convention biex it-tifel jinġieb lura Malta b’mod legali u fissritlu kif taħdem il-proċedura relattiva. Hi spjegat li hija kienet intiża f’dik il-liġi u l-proċeduri relattivi u setgħet tirrappreżentah quddiem il-Qrati ta’ Praga ċioe’ l-pajjiż li fih it-tifel kien inħataf, iżda kienet taf li Busuttil kien qed jibża’ jagħmel il-proċeduri taħt il-Konvenzjoni minħabba kwistjonijiet li kellu mal-ewwel mara tiegħu fil-passat. Tant hu hekk illi lilha l-istess Anthony Busuttil eventwalment taha prokura biex tirrappreżentaha quddiem il-Qorti ta’ Praga u taha wkoll bagalja mimlija dokumenti biex tistudjahom. L-imputata emfasizzat matul l-interrogazzjoni tagħha illi hija ma qablitx u esprimiet it-tħassib tagħha kontra l-parir li kienu tawh l-avukati ta’ Anthony Busuttil biex it-tifel jinħataf mingħand ommu minflok ma jinġieb lura bl-applikazzjoni tar-regoli tal-Hague Convention.
Filwaqt li ma ċaħditx li hija rċeviet xi flus mingħand Busuttil, l-imputata waqt l-interrogazzjoni tagħha sostniet li ma tiftakarx kemm kien l-ammont li rċeviet iżda eskludiet li huwa kien ħallasha f’kontanti. Insistiet illi f’kull każ, dak li rċeviet kien dovut lilha għall-assistenza li pprovdiet lil Anthony Busuttil, biex tikkomunika mal-avukat li kien qabbad ġewwa Praga u biex tirrappreżentah quddiem il-qrati ta’ Praga flimkien mal-avukati tiegħu fil-proċeduri li hija kienet tat parir li jiġu istitwiti biex it-tifel jista’ jitreġġa’ lura Malta b’mod leġittimu. Sostniet ukoll illi kienu għaddejjin xi negozjati ma’ Busuttil ta’ kif kellha titħallas iżda sakemm laħqu ftehim, skopriet li Busuttil u l-avukati tiegħu kienu qed jorganizzaw il-ħtif tat-tifel, ħaġa li hi ma setgħetx taċċettaha u ma riditx tkun involuta tant illi hija talbet lil Busuttil jiffirmalha kuntratt biex hija taħdimlu biss fuq il-Hague Convention. Sakemm ftehmet ma’ Busuttil, hija semgħet fuq l-aħbarijiet li t-tifel kien inġieb lura Malta.
Imbagħad, fix-xhieda tagħha quddiem il-Qorti, l-imputata kkonfermat illi qatt ma telgħet Praga iżda kienet ser titla’ u sadanittant, waqt li kienet qed tipprepara u tikkomunika mal-avukat tal-parti leża ġewwa Praga, saret taf li t-tifel inġieb lura Malta minn Dr. Chris Frendo. Sostniet li ma rċeviet l-ebda pagament mingħand Anthony Busuttil u l-pagament li kienet ser tieħu kellu jsir wara x-xogħol li kellha tagħmel wara li ngħatat il-prokura iżda ġara li wara l-prokura, huma baqgħu ma ltaqgħux u hija ma marritx tirrappreżentah quddiem il-qrati.
Dr Chris Frendo xehed li meta l-omm ġiet lokalizzata mal-fruntiera tal-Belarus, hu qabad titjira flimkien ma’ Anthony Busuttil u vvjaġġaw lejn Teraspol iżda l-mara ma marritx magħhom għalkemm kienet infurmata li kienu sejrin jirkupraw lit-tifel u jniżżluh Malta. Hu xehed: “… li nista’ ngħid li aħna konna kulħadd qed jinstenna li Grace ser titla’ Praga biex iġġib lit-tifel; li ma ġġibux naċċetta għaliex suċċess m’hemmx garanzija … pero’ tal-anqas trid titla’ għax jekk mhux ħa titla’, mhux tibda żgur ix-xogħol.”
Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha qalet li tqis li l-Prosekuzzjoni rnexxilha tipprova li l-mara mhux biss imxiet b’mod frawdolenti fil-konfront ta’ Anthony Busuttil iżda għamlet dan bil-ħsieb li tagħmel qligħ bi ħsara tiegħu. Il-Qorti ma għandhiex dubju li effettivament, Anthony Busuttil ħallas somma ta’ flus fuq talba tal-mara għas-servizzi li hija offrietlu b’rabta mal-każ ta’ ibnu u tqis illi l-mara ma kinitx kredibbli meta fix-xhieda tagħha quddiem il-Qorti hija ċaħdet li rċeviet xi flus mingħandu.
Dan qed jingħad għaliex fl-istqarrija tagħha l-imputata mhux talli ma nnegatx li rċeviet flus mingħand Anthony Busuttil, talli qalet li kellha tfittex fl-emails tagħha biex tivverifika l-ammont li kien għaddielha.
Il-Qorti osservat wkoll li Anthony Busuttil xehed illi huwa kien insista li jħallas l-ewwel pagament fis-somma ta’ €5,000 b’cheque minkejja li l-imputata riditu kontanti. Ix-xhieda ta’ Dr. Edward Debono u Dr. Chris Frendo – li konfermaw illi Anthony Busuttil qalilhom li kien ħallas lill-imputata somma totali ta’ €15,000 – hija prova biss ta’ dak li seta’ qalilhom il-parti leża u mhux prova li effettivament sar dak il-ħlas lill-imputata. Għalhekk, tqis illi t-telf patrimonjali li ġie ppruvat li sofra Anthony Busuttil b’effett tal-qerq eżerċitat mill-imputata huwa fil-valur ta’ €5,000 u mhux €15,000.
Il-Qorti sabet lil Grace Gatt ħatja u kkundannatha multa ta’ €1,000 u tmintax-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin. Il-mara kienet ordnata wkoll sabiex tħallas lil Busuttil is-somma ta’ €5,000 bħala danni.