Tuesday, April 29, 2025

B’dixxiplina u konsistenza tista’ tasal fejn tixtieq – Abbygail De Brincat

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-Hyrox?

Minn dejjem kont inħobb nittrenja u nżomm ruħi attiva speċjalment ‘strength training’ peró qatt ma kont xi persuna li nħobb niġri. Madwar sena u nofs ilu kont bdejt immur group runs mal-gym fejn nattendi, Vitera Health & Fitness, u minn hemm bdejt niskopri li nħobb il-ġiri u f’temp ta’ ftit xhur ħabiba tiegħi li tittrenja fl-istess gym miegħi, kienet ħajritni biex nagħmlu Hyrox race barra minn Malta flimkien. Issa nista’ ngħid li ili sena u nofs nittrenja l-Hyrox b’konsistenza. Apparti minn hekk, f’dawn is-sena u nofs, apparti Hyrox races, ħadt sehem f’running races oħra bħall-Half Marathon u Mdina to Spinola li bis-saħħa tagħhom ġiegħluni nħobb iżjed il-ġiri u l-endurance training. Il-gym fejn nattendi, Vitera, sirna qisna familja waħda fejn dejjem inħeġġu lil xulxin biex inkomplu nimxu ‘l quddiem.

X’unuri maġġuri ksibt sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?

Unur li ma kontx qed nistenna huwa l-ewwel tellieqa li tħarriġna għaliha fil-bidu tas-sena l-oħra 2024 għal Rotterdam, l-Olanda, jien u ħabibti Stephanie Zammit, fejn ikkwalifikajna għall-World Championships fil-katergorija tal-Open Women’s Doubles fejn ġejna s-sitt post fl-age group tagħna u l-11-il post overall min 565 tim flimkien ma’ Daniel Brincat li kkwalifika fis-Singles Men Category fejn tlajna nirrapreżentaw lil Malta ġewwa Nice, fi Franza f’Ġunju li għadda.

Kif tqis il-livell tal-Hyrox f’pajjiżna fil-preżent?

Dan l-isport qed jidħol sew f’pajjiżna permezz ta’ tlielaq li qed jiġu organizzati matul is-sena fejn l-ammont ta’ parteċipanti dejjem qed jiżdied. Kemm min hu ‘cross-fitter’ jew ‘runner’ jew forsi qatt ma kien attiv fiżikament, qed naraw li dan l-isport f’pajjiżna qed jgħaqqad ħafna atleti ta’ kull livell kollha bl-istess għan li jipparteċipaw f’dawn il-kompetizzjonijiet.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Il-popolaritá ta’ dan l-isport dejjem qiegħda tikber u allura riżorsi dejjem hemm bżonn iktar biex jiġu akkomodati iktar u iktar nies. Apparti li għandna bżonn jiswa l-flus u allura mhux faċli biex wieħed ilaħħaq ma’ dawn l-ispejjeż kollha. L-ispazji huma wkoll kemmxejn limitati – u ma tantx hawn open areas sa issa fejn jista’ jiġi pprattikat dan l-isport. Peró, qed isir ħafna xogħol minn sidien ta’ gyms u stabbilimenti oħra biex jippermettu li dan isir kemm jista’ jkun bil-limitazjonijiet kollha.

Kompetizzjonijiet f’Malta jsiru wkoll, peró, fil-veritá żoni fejn dawn il-kompetizzjonijiet jistgħu iseħħu huma ftit limitati. Kompetizzjonijiet barra minn xtutna mmorru ta’ spiss, u ovvjament hemm ukoll ikollna bżonn nagħmlu ħafna sagriffiċji aħna, bħala leave mix-xoghol u flus li noħorġu biex insiefru u nipparteċipiaw. Peró, ma jiddispjaċini xejn, għax f’moħħi narah bħala investiment fuq saħħti.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-Hyrox?

Jiena dan l-isport nippratikah bħala delizzju għax ovvjament għandi rwoli importanti oħra f’ħajti speċjalment li jien omm ta’ tifel ta’ tliet snin peró mis-sena l-oħra bdejt nittrenja dan l-isport għal Single Category. Xtaqt iktar sfida kemm fiżikament u anke mentalment u nara sa fejn kapaċi nasal. F’ Dicembru li għadda rnexxieli nagħmel din ir-tellieqa ġewwa Marseille fi Franza u l-għan tieghi huwa li nkompli nipprogressa biex innaqqas il-ħin tiegħi fi tlielaq fil-futur. Għal din is-sena diġá għandi pjanijiet għal tlielaq kemm lokali u anke barra min pajjiżna. Bħala persuna nħoss li jien dixxiplinata u għalkemm mhux kull filgħodu jkolli aptit inqum inbati, dejjem kont konsistenti fit-taħriġ tiegħi bis-saħħa tal-kowċis tagħna li dejjem jiggwidawna kif suppost.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-Hyrox.

Kemm jekk għadek żgħir jew kbir jew għandek it-tfal, dan l-isport nemmen li jista’ jagħmlu kulħadd bil-pass u l-livell tiegħu. B’ dixxiplina u konsistenza tista’ tasal fejn tixtieq. Mill-aspett tiegħi bħala omm, ngħid għalija, bl-intensitá ta’ dan l-isport, inħoss sodisfazzjon kbir meta narani qed nipprogressa u tgħinni nkun moħħi frisk fl-aspetti l-oħra tal-ħajja. Mhix dejjem faċli biex tlaħħaq ma’ kollox, peró jekk vera tkun trid xi ħaġa, dejjem ħa ssib mod kif. Qatt m’hu tard biex tiskopri sa fejn jista’ jasal ġismek u moħħok!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport