Wednesday, July 24, 2024

Beach Soccer: Meħtieġa decider għar-raba’ post bejn Sliema u Ta’ Xbiex

Aqra wkoll

Se tkun meħtieġa decider bejn Sliema Beach Soccer u Ta’ Xbiex sabiex jiġi determinat min se jikseb ir-raba’ post tal-klassifika li jfisser post fil-play-offs.

Fil-fatt is-Slimiżi rebħu l-konfront ta’ nofs il-ġimgħa kontra La Playa de Arena 4-3 bil-plejer Taljan Vincenzo Margiotta li kien awtur ta’ tliet gowls u b’Shalon Diacono li żied ieħor għat-tim tiegħu.

Għalxejn kienu l-gowls ta’ Daryl Micallef, Indrek Palm u Andre Cutajar.

Min-naħa l-oħra, Ta’ Xbiex kienu involuti fi tliet logħbiet fejn rebħu waħda iżda tilfu tnejn.

Huma għelbu lil Birżebbuġa Tigers 10-5 b’Ryan Dalli u Saturday Nanapere li kienu awturi ta’ tliet gowls b’Jeremy Cassar li wettaq doppjetta u b’Giovanni Galea u Zvezdan Vukovic li żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.

Nigel Spiteri u Brandon Bray skorjaw żewġ gowls għal Birżebbuġa filwaqt li Noel Tabone ukoll niżżel ismu fost l-iskorers.

Minkejja kollox, Ta’ Xbiex tilfu 8-2 kontra Naxxar Lions li min-naħa tagħhom aċċertaw ruħhom mit-tieni post.

Nicholas Schembri u Lee Joe Schembri skorjaw erba’ gowls kull wieħed għal Naxxar b’Saturday Nanapere li kien awtur ta’ doppjetta.

Ta’ Xbiex tilfu wkoll l-aħħar konfront tagħhom għal din il-ġimgħa kontra Ħamrun Beach Soccer 6-4. Dawn tal-aħħar temmew l-ewwel fażi fil-quċċata wara sensiela ta’ riżultati pożittivi. Antonello Demanuele u David Emanuel Garba skorjaw żewġ gowls kull wieħed b’Chieck Kone u Shamison Farrugia li komplew iżidu aktar gowls għal Ħamrun. Doppjetta ta’ Antonello Demanuele u gowls oħrajn ta’ Giovanni Galea u Saturday Nanapere irrispondew għal Ta’ Xbiex.

Ħamrun kellhom ukoll riżultat ieħor pożittiv meta għelbu lil La Playa de Arena 7-3.

L-aqwa skorer tal-kampjonat David Emanuel Garba skorja tliet gowls b’Nezar Abouhaisa jżid tnejn oħra. Antonello Demanuele u Shamison Farrugia ukoll sabu x-xibka.

Mantas Makutonovicius skorja doppjetta filwaqt li Daryl Micallef kompla naqqas il-marġni tal-iskor għal La Playa.

KLASSIFIKA – NESTLE ICE CREAM BEACH SOCCER LEAGUE

Ħamrun 27, Naxxar Lions 21, La Playa de Arena 14, Sliema Beach Soccer, Ta’ Xbiex 8, Birżebbuġa Tigers 6.

Ekonomija

Sport