Thursday, November 7, 2024

“Beda jagħtini bis-sikkina u jgħidli “mut, mut’”

Ikompli l-ġuri dwar attentat ta’ qtil fl-2011… tixhed il-vittma

Aqra wkoll

Hekk kif ilbieraħ kompla jinstema’ l-ġuri ta’ raġel ta’ 56 sena li qed ikun akkużat li pprova joqtol lil martu, kien imiss li l-Prosekuzzjoni tressaq lill-vittma nnifisha biex tixhed.

Il-ġurati qegħdin jisimgħu x’seħħ 13-il sena ilu f’residenza f’Birkirkara kif ukoll x’wassal għal dan il-każ. Minbarra mart l-akkużat, ommha li dakinhar kellha 66 sena kienet sofriet xi ġrieħi hekk kif ipprovat tgħin lil bintha.

Il-vittma, omm ta’ żewġt ibniet li missierhom huwa l-akkużat innifsu, bdiet billi qalet li dakinhar tal-attentat ta’ qtil fuqha hija kellha 41 sena. Fix-xhieda tagħha qalet li għamlet żmien tgħix fix-xelter Dar Merħba Bik u anke Għabex f’Għawdex. Hi kienet marret fix-xelter minħabba problemi fiż-żwieġ fosthom li żewġha kellu l-vizzju tax-xorb u anke l-użura.

Emozzjonata fil-Qorti l-vittma qalet li kien hemm żmien waqt iż-żwieġ li ma kienx ikollha ikel fil-fridge biex titma’ lit-tfal minħabba problemi finanzjarji kawża li r-raġel kien jonfoq kollox fuq ix-xorb. Qalet li l-eks raġel tagħha kien ikollu tensjoni kbira fuqu minħabba li ma kienx ikollu flus u għalhekk kien jiddejjen biex ikompli jixrob. Xehdet li bid-dwejjaq li kien ikollu kien jixrob biex jinsa sakemm jintilef minn sensieh.

Waqt ix-xhieda tagħha, l-omm qalet li l-akkużat kien iċemplilha u jgħidilha li meta toħroġ mix-xelter kien se jagħtiha daqqa ta’ karozza u tispiċċa f’siġġu tar-roti. Kien hawn li x-xhud qalet li ma setgħetx tibqa’ taċċetta dawn l-affarijiet f’ħajjitha u għalhekk riedet tibda separazzjoni minn miegħu.

Il-vittma allegat li meta kienet Dar Merħba Bik kien hemm xi impjegati li kienu jibżgħu minnu għax ma kinitx l-ewwel darba li l-akkużat għamel sigħat twal jgħajjat u jdur mal-akwati tax-xelter.

Hija ddesriviet lilha nnifisha bħala persuna dgħajfa u qalet li ftit qabel ma telqet mid-dar l-akkużat allegatament waddbilha mannara. Minħabba l-biża’ li kienet tgħix fih anke fix-xelter, il-vittma tgħid li meta ġiet biex titlaq minn Dar Merħba Bik u tmur tgħix l-Għabex kienu marru l-pulizija biex iwassluha u biex ħadd ma jinduna li kienet se titlaq minn hemm qagħdet minduda fis-seat ta’ wara tal-karozza. Għamlet hekk bit-tama li l-eks żewġha ma jindunax li kienet se titlaq minn dak ix-xelter u tmur tgħix f’xelter ieħor.

Ix-xhud qalet li kienet timmissja ħafna lit-tfal u ridithom magħha. Il-vittma qalet li tant kemm immisjathom li telqet mix-xelter f’Għawdex biex b’hekk tkun tista’ tgħinhom fil-ħajja. “Dakinhar li kont se nitlaq għidt issa nħalli f’idejn il-bambin,” qalet il-vittma fil-ġuri li qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.

Kien hawn li l-Imħallef staqsietha dwar meta l-akkużat heddidha fil-binja tal-Qorti wara seduta li kellhom. Il-mara kkonfermat dan u qalet li kien qalilha li kien se jsibha barra u jagħmel dak li kellu jagħmel.

Fix-xhieda tagħha l-omm tgħid li l-eks żewġha kien possessiv wisq. “Kont nibża’ noħroġ mid-dar għax kien isegwini kontinwament. Darba għamilt il-kuraġġ u ħriġt, sabni u rassni bil-karozza”, irrakkontat il-vittma.

Tkellmet ukoll dwar dak li kien seħħ f’Wied iż-Żurrieq li kkonfermat ix-xhieda li ta ħabib tagħha fil-jum ta’ qabel. Qalet li kienet iltaqgħet ma’ dan il-ħabib fuq il-midja soċjali. Xehdet li kienet titkellem miegħu meta kienet tgħix Għawdex u kien ta’ kumpanija għaliha tant li anke kien jagħmilha kuraġġ kbir. 

Qalet li dwar il-każ taż-Żurrieq kien ġara li kellha problemi fit-tyers u dan il-ħabib kien qallha biex tmur ħdejh ħalli isewwihom. Huma kienu ħallew il-karozza għand il-mekkanik u marru jieħdu kafè sakemm il-karozza tkun lesta. Tirrakkonta li kif daħlu fil-karozza tal-ħabib tagħha, kienet qaltlu biex isakkru l-bibien minħabba li kienet qiegħda tibża’.

“Ma nafx minn fejn tfaċċa l-eks raġel. Sirt naf li kien segwini għand tat-tyers ukoll u kien staqsa lill-mekkanik fejn kont mort,” kompliet tgħid ix-xhud.

Dwar dan il-każ hi kompliet tixhed li kif waslu lura għand tat-tyers kienet sabet lill-eks żewġha flimkien ma’ raġel ieħor jistenniha. Qalet li dakinhar flimkien mal-ħabib tagħha kienu marru jagħmlu rapport l-għassa.

Fuq struzzjonijiet tal-pulizija, il-ħabib kien wassalha lura d-dar fejn sabet lill-ommha tistenniha. “Bdejna nieħdu l-kafe meta smajt l-antiporta tinfetaħ. Ħsibt li kienu se jidħlu jisirquna bil-ħoss li smajt,” qalet ix-xhud li kienet tidher emozjonata għal aħħar.

Il-mara qalet li semgħet persuna dieħla u semgħet ukoll leħen żewġha. Kien hawn li ratu jimbotta lil ommha. “Bdejt indurlu mal-mejda biex ma jaqbadnix, iżda imbagħad qabad il-pultruna u waddabieli għal rasi u laqatni…” xehdet l-omm.

Tgħid li dak il-ħin stordiet u l-eks żewġha beda jagħtiha bl-addoċċ f’rasha u bis-sieq b’kemm kellu saħħa. Qalet li tiftakar li ħareġ sikkina tal-manku tal-injam u beda jagħtiha biha. “Faqagħli l-pulmun, l-istonku, għonqi u sidri”, sostniet ix-xhud.Jirriżulta li omm il-vittma pprovat teħodlu s-sikkina biex ma jibqax jagħti lil bintha. Kien hawn li ommha spiċċat bi ġrieħi għax kienet qabdet is-sikkina mix-xafra. Il-vittma kompliet tixhed li waqt li beda jagħtiha bis-sikkina l-eks raġel beda jgħidilha “mut, mut”. Qalet li wara li waqaf jagħtiha bis-sikkina kienet tkaxkret sat-telefon u ċemplet hi stess għall-għajnuna.

Tkellmet ukoll dwar dak li seħħ f’Pembroke fejn qalet li dakinhar ir-raġel kien mar id-dar biex joħroġ lil waħda minn uliedu. Wara li ġiet lura, it-tifla qaltilha li missierha kien ħadha Pembroke u kien iltaqa’ ma’ raġel f’garaxx. Qaltilha li kien ipprova jixtri arma tan-nar li tiswa €1,000. “Binti kienet qaltli ‘Ma se joqtlok żgur”.

Il-ġuri jkompli. 

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kenneth Camilleri u Kaylie Bonett f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Għall-akkużat qed tidher l-Avukat Josephine Farrugia Mifsud waqt li l-Avukat tal-għajnuna legali Alexandra Mamo qed tidher għall-vittma.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport