Friday, December 13, 2024

“Trump se jirbaħ lid-‘deep state’?” – Evarist Bartolo

Intervista dwar l-elezzjoni Presidenzjali fl-Istati Uniti

Aqra wkoll

X’mistenni jinbidel fil-politika barranija Amerikana, issa li Donald Trump se jerġa’ jsir President tal-Istat Uniti minn nhar it-Tnejn, 20 ta’ Jannar 2025?

Jekk jagħmel dak li wiegħed fil-kampanja elettorali, se jkun hemm fejn se jimxi b’mod differenti ħafna mill-President Joe Biden. Imma hekk kien qal ukoll fil-kampanja elettorali tal-2016. Imma fil-fatt ftit inbidel fil-politika barranija Amerikana. Hemm dak li jissejjaħ ‘deep state’, xibka ta’ nies fil-gvern, fl-ekonomija, fis-servizzi tas-sigurta’ u fil-militar li jaħdmu flimkien biex jiżguraw li jitla’ min jitla president tal-Istati Uniti jibqgħu huma jmexxu minn wara l-kwinti.

Jekk id-‘deep state’ jerġa’ jirbaħ lil Trump, ikun xi jkun l-istil differenti li jmexxi bih, fis-sustanza ftit li xejn jinbidel. Trump qal li din id-darba mhux se jħalli d-‘deep state’ jirbaħlu u se jmexxi politika barranija differenti minn dik li mexxew s’issa d-Demokratiċi u r-Repubblikani.

Se jkun iktar b’saħħtu biex tgħaddi tiegħu għax ir-Repubblikani li ħafna minnhom saru Trumpjani rebħu s-Senat, Ikun ferm iżjed b’saħħtu jekk jirbħu wkoll il-Kamra tar-Rappreżentanti.

Jekk wara li rebaħ lil Kamala Harris, Trump jirbaħ ukoll lid-‘deep state’, x’jibdel u x’ma jibdilx fil-politika barranija Amerikana?

L-aktar li jibdel hu l-pożizzjoni Amerikana dwar il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajina. Waqt il-kampanja qal li jrid titjib fir-relazzjonijiet mar-Russja u li jkun favur li ż-żewġ pajjiżi inaqqsu l-ostilita’ ta’ bejniethom u jinnegozjaw il-kwistjonijiet ta’ bejniethom. Dettalji kif jiftehmu, ma tax. Qal li jrid lill-pajjiżi tan-NATO joħorġu iżjed flus milli qed joħorġu u jrid lill-Ewropej jonfqu iżjed fuq l-armamenti għall-forza militari tagħhom.

Irridu naraw x’se jagħmel dwar l-Iżrael u l-Palestinjani. Qal lil Netanyahu biex iwaqqaf il-gwerra kontra n-nies ta’ Gaża. Imma hu favur ħafna l-Iżrael. Fil-kampanja rnexxielu jiġbed lejh ħafna Amerikani-Għarab disgustati bl-appoġġ tal-President Biden għal Iżrael bil-flus u l-armamenti biex jinqatlu eluf ta’ Palestinjani u tinqered Gaża. Dawn l-Amerikani – Għarab iduru kontrih jekk jappoġġa lil Iżrael bħal Biden.

Irridu naraw jekk Trump hux se jkompli jiħrax kontra ċ-Ċina u jtiha kemm jista’ gambetti biex ibatti l-ekonomija tagħha. Dwar it-Tajwan qal li din il-gżira għandha tħallas lill-Istati Uniti biex tiddefendiha minn xi invażjoni Ċiniża.

L-istess mal-Iran. Fl-ewwel presidenza tiegħu ħarbat il-ftehim li kien ġie negozjat mal-Iran biex ma jiżviluppax l-armamenti nukleari tiegħu. Bil-periklu li teskala fi gwerra ħarxa bejn l-Iran u l-Iżrael x’se jagħmel? Idaħħal lill-Istati Uniti fiha kontra l-Iran bil-periklu li tikber b’periklu għar-reġjun u anki għad-dinja kollha?

Qasam ieħor ta’ tħassib hu l-bidla fil-klima għax Trump ma jemminx li għandhom jittieħdu passi biex tiġi evitata l-kriżi li biha t-tniġġis mill-enerġija qed toħloq fil-klima madwar id-dinja b’għargħar, nixfa u temperatura sħuna ħafna.

Trump mistenni jkun iżjed iebes ma’ dawk li jridu jidħlu l-Istati Uniti biex ifittxu ħajja aħjar. Ħafna vvutawlu għax jarawh lest jiddefendihom mill-effetti tal-immigrazzjoni. Il-politika tiegħu tiġi imitata minn mexxejja oħra Ewropej li parti mill-elettorat tagħhom iridu trażżin fl-immigrazzjoni anki jekk il-pajjiżi tagħhom għandhom bżonn il-ħaddiema barranin bħalma għandha bżonn l-Istati Uniti biex iħaddmu l-ekonomija tagħhom u servizzi pubbliċi fosthom dak tas-saħħa.

Kif mistennija tolqot lill-ekonomija dinjija l-presidenza ġdida ta’ Trump?

Ir-raġuni ewlenija għala Trump rebaħ l-elezzjoni kienet l-prezzijiet għoljin tal-ikel u l-propjetà li weġġgħu miljuni ta’ Amerikani. Ikkonvinċa biżżejjed minnhom li se jmorru aħjar bih għax se jiddefendihom billi jgħolli d-dazju oġġetti impurtati biex hekk l-Amerikani jixtru prodotti Amerikani. Dan qed jinkwieta lil dawk il-pajjiżi Ewropej u pajjiżi oħra bħaċ-Ċina, il-Ġappun u l-Messiku li jesportaw ħafna lejn l-Istati Uniti.

Trump huwa favur li jsaħħaħ id-dollaru. Dawk kollha li għadhom iħallsu bid-dollaru biex jixtru prodotti bħaż-żejt u qmugħ jiġu jiswewlhom iżjed.

Trump qal ukoll li jrid jagħmel lill-Istati Uniti “l-kapital tal-flus crypto tal-pjaneta” billi jneħħi r-regolamenti fuqha u jinkoraġixxi li l-munita crypto tissaħħaħ b’mod innovattiv. Dawk li innegozjaw fil-crypto bħal Elon Musk kienu fost l-aktar li appoġġawh anki bil-flus biex isir president.

X’mistenni jagħmel Trump dwar il-preżenza militari Amerikana fid-dinja?

Evarist Bartolo: Fil-kampanja elettorali ma semmiex li se jnaqqas in-nefqa militari Amerikana li qed twassal biex ikomplu jikbru d-dejn u d-defiċit tal-Istati Uniti. Id-dejn issa laħaq $35 triljun u d-defiċit kważi $2 triljun. Ħafna minn dan id-dejn u d-defiċit (minbarra fuq il-qasam tas-saħħa li xorta ma jaqdix il-bżonnijiet taċ-ċittadini Amerikani) huwa fuq l-armamenti u l-militar.

L-Istati Uniti l-aktar li mill-pajjiżi kollha tad-dinja tonfoq fuq il-forza militari: $876.9 biljun. Imbagħad hemm iċ-Ċina ($292 biljun), ir-Russja ($86.4 biljun), l-Indja ($81.4 biljun) u s-Sawdi Għarabja ($75 biljun).

Dis-sena l-Armata Amerikana talbet baġit ta’ madwar $173 biljun u $ 12.4 biljun oħra għall-operazzjonijiet tagħha f’pajjiżi oħra. Trid din in-nefqa għall-170,000 truppi li għandha f’iktar minn 750 bażi miltari fi 80 pajjiż differenti f’kull kontinent.

Din in-nefqa militari kbira mhux biss qed twassal biex ikomplu jiżdiedu d-dejn u d-defiċit tal-Istati Uniti, li kkaġunaw il-waqgħa ta’ ħafna imperi fis-sekli u l-millenji li għaddew, iżda wkoll biex ma tonfoqx il-flus li għandha bżonn biex ttejjeb il-ħajja ta’ ħafna Amerikani li qed ibatu, fosthom 38 miljun li jgħixu fil-faqar.

Tixtieq tagħmel xi osservazzjonijiet oħra fuq dawn l-elezzjonijiet Amerikani?

Il-President Amerikan Abraham Lincoln kien jgħid: Id-demokrazija hija l-gvern tal-poplu, mill-poplu, għall-poplu. Imma matul is-snin is-sistema politika Amerikana saret tan-nies tal-flus, min-nies tal-flus, għan-nies tal-flus. F’din l-elezzjoni intefqu €14 biljun, l-aktar li qatt intefqu.

In-nies tal-flus iħallsu għall-kampanji elettorali tal-president u għas-senat, għall-Kamra tar-Rappreżentanti u għall-gvernaturi.

L-akbar donaturi biljunarji jagħtu flus lir-Repubblikani waqt li d-Demokratiċi jieħdu flus minn dawk li l-għotjiet tagħhom huma iżgħar.

Il-kumpanniji taż-żejt ippumpjaw iżjed minn $150 miljun fil-kampanji elettorali, l-iżjed lir-Repubblikani.

L-AIPAC, l-għaqda favur l-Iżrael, nefqet $100 miljun biex ittella’ lil dawk li huma favur l-Iżrael u ttellef lil dawk li huma favur il-Palestinjani.

Il-kumpaniji li jipproduċu l-armi nefqu iżjed minn $50 miljun biex ittellgħu politiċi favur nefqa akbar fuq l-armamenti.

L-influwenza kbira tan-nies tal-flus fuq il-politika Amerikana qed tinkwieta ħafna lil dawk li huma favur id-demokrazija kif xtaqha Abraham Lincoln.

Qed jinkwetaw li l-politiċi qed jispiċċaw jaqbżu u jaħdmu għall-interessi ta’ dawk li jagħtuhom il-flus għall-kampanji elettorali tagħhom u mhux għall-ġid taċ-ċittadini li jħossuhom minsija u abbandunati.

Ekonomija

Sport