Monday, December 9, 2024

Jirritorna l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb

Aqra wkoll

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb għall-2024 qiegħed jirritorna għall-45 edizzjoni tiegħu, u se jittella’ mis-6 sal-10 ta’ Novembru fl-MFCC, Ta’ Qali. Din is-sena l-festival għandu t-tema ta’ #dinjietjirrimaw, li tirrifletti l-vjaġġ varjat tal-proċess ta’ pubblikazzjoni, mill-bidu tal-idea sal-prodott finali.

Fil-qofol tal-festival ta’ din is-sena hemm l-esebizzjoni From Illustration to Book, kollaborazzjoni estiża bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) u l-Kunsill Malti għall-Arti (KMA). Din l-esebizzjoni tesplora l-vjaġġ kreattiv tal-illustrazzjoni tal-kotba, twessa’ l-perspettivi, u titfa’ dawl fuq l-artistrija varjata involuta.

Għall-ewwel darba, is-sezzjoni ‘Illustration Today’ fetħet il-bibien tagħha għal sottomissjonijiet internazzjonali permezz tan-netwerk tal-EUNIC, u b’hekk żiedet diversità rikka ta’ ilħna kreattivi. Sezzjoni ġdida li ġġorr l-isem ‘From Idea to Illustration’se tikkonsisti fi skeċċijiet u tpinġijiet preliminari, u toffri l-udjenza ħarsa rari lejn l-istadji tal-bidu tal-illustrazzjoni u l-evoluzzjoni ta’ rakkuntar  viżwali.

Se tkun esebita wkoll kollezzjoni speċjali ta’ disinni tal-qxur ta’ kotba, organizzata mill-Komunità tal-Illustraturi ta’ Malta (MCOI) b’kollaborazzjoni maċ-Ċentru għall-Edukazzjoni u Riċerka Ambjentali (Università ta’ Malta) u bl-appoġġ tal-KMA, l-KNK u l-Gutenberg Press. Il-qxur ta’ din is-sena jiffukaw fuq it-tema ta’ sostenibbiltà, bl-artisti jimmaġinaw kif Malta kapaċi tidher fi żmien għoxrin sena kieku kull għażla ambjentali, deċiżjoni, u politika tittieħed b’mod responsabbli. Din il-viżjoni ta’ futur sostenibbli titfa’ dawl fuq l-irwol tal-arti u l-letteratura biex jixprunaw il-bidla soċjali u ambjentali. Waqt From Illustration to Book, se tkun qed tintwera wkoll selezzjoni ta’ xogħlijiet mill-Annwal tal-Illustrazzjoni tal-2024, tal-MCOI.

Is-sezzjoni ‘Artist Spotlight’ se tagħti unur lill-illustraturi Maltin Frank Schembri u Moira Zahra, u tiċċelebra l-istili u kontribuzzjonijiet ta’ influwenza tagħhom fix-xena lokali tal-illustrazzjoni. 

Nikki Petroni, l-Eżekuttiv tal-Edukazzjoni u l-Iżvilupp fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, esprimiet il-kburija tal-KMA fir-rigward tal-kollaborazzjoni mal-KNK fuq l-esebizzjoni From Illustration to Book u rriaffermat l-impenn tal-KMA biex jipprovdi l-artisti b’opportunitajiet fejn ix-xogħol tagħhom jiġi ċċelebrat. “Bħala KMA, aħna nistinkaw biex nagħtu lill-artisti kwalunkwe opportunità possibbli biex ix-xogħol tagħhom jiġi apprezzat, u b’hekk nelenkaw prijorità fl-Istrateġija 2025 għal aktar apprezzament tal-arti”, qalet Petroni.

“L-KNK jinsab kuntent li qiegħed jippreżenta edizzjoni oħra tal-esebizzjoni From Illustration to Book, li issa saret punt fokali ewlieni tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb,” qal iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-KNK Mark Camilleri. “Mhux biss l-esebizzjoni tagħti spinta viżiva lill-esperjenza tal-Festival, iżda hija wkoll impenn lejn l-unur tal-artisti kollha li jsaħħu l-prodott letterarju tagħna. B’mod kruċjali, hija wkoll eżempju ċar tal-benefiċċji li jiġu meta żewġ entitajiet bħall-KNK u l-KMA ikkooperaw lejn għan komuni,” qal Camilleri.

Bħala aspett ewlieni tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb għall-2024, l-esebizzjoni From Illustration to Book hi xempju tal-irwol tal-festival, fiċ-ċelebrazzjoni tal-intersezzjoni tal-letteratura, l-arti viżiva, u l-kultura. Dan l-avveniment annwali jibqa’ parti essenzjali mill-kalendarju kulturali Malti, jappoġġja t-tkabbir artistiku, irawwem imħabba għall-qari, u jħeġġeġ lill-udjenzi sabiex jesploraw id-diversi forom li r-rakkuntar jimmanifesta ruħu fih.

Ekonomija

Sport