Sunday, December 22, 2024

BEJN ARMI U FONDI

Aqra wkoll

Fis-snin li ġejjin, bil-politika “ġdida” tagħha dwar sigurtà u difiża, l-Unjoni Ewropea żgur se jkollha żżid in-nefqa tagħha fuq armamenti u tagħmir militari ieħor. Biex il-budget tal-Unjoni jiżdied – kif se jkun hemm bżonn, l-istati membri jridu jżidu l-kontribuzzjoni tagħhom għalih. Bosta se jirreżistu dil-ħaġa.

Fuq il-karta, l-Unjoni Ewropea (bħal kull gvern ieħor) tista’ xorta tonfoq aktar mingħajr ma żżid id-dħul tagħha, u timla’ l-ħofra finanzjarja li tirriżulta billi tissellef. Franza hekk issuġġeriet, imma l-Ġermanja u numru ta’ pajjiżi li jaħsbuha bħalha baqgħu jgħidu le u le!

Jekk il-kejk jibqa’ kif inhu, se jkollu jitqassam bejn numru akbar ta’ għanijiet, li fihom dawk tad-difiża jieħdu post qawwi. U dan loġikament jiġi jfisser li oqsma oħra li jirċievu fondi kbar mill-Unjoni – bħall-biedja u l-qasam soċjali – se jitnaqqsilhom is-sehem tagħhom minnu. Pajjiżi li jsibu wens fl-Unjoni minħabba dawn il-fondi se jqumu kontra.

U sadattant, x’se jiġri mill-impennji Ewropej kontra t-tisħin tal-klima u favur l-investiment fi strutturi diġitali Ewropej?

TEATRU

Dejjem sibthom ftit strambi dawk in-nies li jistagħġbu kif fil-politika iqumu daqstant konfronti u battibekki. Hemm għalfejn fuq kull ħaġa ta’ xejn (hekk jitkellmu) iqumu disputi bla waqfien?

Veru, ċerti esaġerazzjonijiet f’kif jitqanqlu l-kontroversji huma bla sens. Biss wieħed ma jridx jinsa li fil-politika ċ-ċittadini huma mistennija jagħmlu għażla dwar it-tmexxija tas-soċjetà li fiha jgħixu.

Dawn l-għażliet iridu jingħataw tifsira u ħajja, li mhijiex dejjem ħaġa faċli. Hu permezz tad-dibattitu politiku li dan iseħħ… u dibattitu minnu nnifsu jfisser li naħa tgħid iva u oħra tgħid le għax għandha proposta aħjar. Il-mod kif titqajjem u tissaħħaħ kuxjenza dwar l-għażliet possibbli hu permezz tat-teatru politiku tal-konfront.

REPETIZZJONI

Ir-repetizzjoni hi meħtieġa. Mingħajrha l-ebda messaġġ ma jasal tassew. Lanqas ħadd ma jinduna bih.

Rajna dil-ħaġa fil-kampanja elettorali li għadha kemm spiċċat. Ftit kienu l-messaġġi imma ġew ripetuti ad nauseam f’kull laqgħa, f’kull programm politiku, f’kull riklam elettroniku u tradizzjonali. Ir-riklamar u r-relazzjonijiet publiċi moderni għamlu r-repetizzjoni aktar faċli, aktar persistenti. L-isfida hi kif l-istess ripetizzjoni se tinżamm friska u interessanti.

Għax wara kollox jibqa’ l-periklu li ma’ ċerti persuni li għandhom interess mhux superfiċjali fil-kwistjonijiet li jitqajmu, ir-ripetizzjoni tispiċċa tmewwet kull interess.

Kollox ma kollox, għalkemm jeżisti, ma rridux inqisu dal-periklu bħala akbar milli hu jew jista’ jkun. Il-ħtieġa għar-ripetizzjoni tibqa’ “suprema”. Fl-aħħar ġimgħat iltqajt ma’ persuni (u ma kinux anzjani) li ġew jistaqsu: Imma allura dawn l-elezzjonijiet dwar xhiex inhuma eżatt?

Ekonomija

Sport