Wednesday, July 24, 2024

Mixli li kiser ordni ta’ protezzjoni meta ċempel lill-eks sieħba biex ikellem lil ibnu

Aqra wkoll

Raġel inżamm arrestat wara li ġie mixli li ċempel lill-eks sieħba biex ikellem lil ibnu ta’ tliet snin u allegatament kiser ordni ta’ protezzjoni li tipprojbixxih milli jagħmel dan.

“Ordni ta’ protezzjoni tfisser li ma tikkomunikax magħha bl-ebda mod, xejn”, qalet il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace meta tressaq quddiemha l-imputat, li għandu 39 sena u huwa residenti Birkirkara.

Ir-raġel, li ismu mhux jixxandar biex tiġi protetta l-identità tal-allegata vittma, kien arrestat wara li l-mara għamlet rapport mat-Taqsima tal-Vjolenza Domestika l-Ħadd filgħaxija.

Fil-Qorti nstema’ kif il-koppja għaddejjin minn proċess ta’ medjazzjoni quddiem il-Qorti tal-Familja u kienet inħarġet ordni ta’ protezzjoni kontra r-raġel sakemm jitlestew il-proċeduri.

Intqal li l-Ħadd li għadda, ir-raġel ripetutament ipprova jċempel lill-eks sieħba tiegħu fuq Messenger iżda din ma weġbitux. Għall-ħabta tas-7.15 p.m., huwa reġa’ ċemplilha iżda minn ‘unknown number’.

Peress li ħasbet li seta’ kien l-imputat, għaddiet il-mobile lil binha u poġġietu fuq ‘speaker mode’. Fil-fatt, kien l-eks sieħeb tagħha li ċempel u allegatament qal lil ibnu: “Aw qalbi. Ħsibt li mhux se tweġibni dik il-minfuħa ommok.” Meta semgħet hekk, il-mara marret tagħmel rapport lill-pulizija.

L-eks sieħeb tagħha tressaq fil-Qorti t-Tlieta fejn ċaħad l-akkużi li għamel użu ħażin minn tagħmir ta’ komunikazzjoni elettronika, li insulenta jew hedded lill-eks sieħba tiegħu u li kiser ordni ta’ protezzjoni. Huwa kien mixli wkoll li kien riċediv.

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi billi għad trid tixhed l-allegata vittma.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u r-raġel inżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi mentri l-Avukat Lennox Vella deher għall-imputat.

Ekonomija

Sport