Friday, December 13, 2024

Bernard Grech jagħti kelmtu li se jwettaq dak li jwiegħed

Aqra wkoll

Waqt diskussjoni organizzata mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji,il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ittratta dwar l-ekonomija u semma kif se jibni 10 setturi ekonomiċi ġodda. Fil-fehma tiegħu “Biex nimxu ’l quddiem irridu noħolqu”, “Biex nimxu ’l quddiem irridu nsaħħu”. Grech saħaq fuq ekonomija reżiljenti bbażata fuq setturi ekonomiċi varji, u argumenta li meta wieħed iħares lura, il-Partit Nazzjonalista kien issuġġerixxa li għandhom joħorġu l-vawċers, proposta li mbagħad ġiet adottata u ħalliet il-frott. 

Grech tkellem dwar l-importanza tal-konsistenza u l-bżonn tal-level playing field, li għandhom ikunu fuq quddiem biex jgħinu lin-negozji. Kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista insista li l-wage supplement għandu jiġi estiż sal-aħħar ta’ Marzu, u qal li dan eventwalment ġie deċiż li jsir. Barra minn hekk semma li taħt Gvern Nazzjonalista l-ħlasijiet tal-VAT għandhom jitħallsu fi żmien 8 snin sabiex kulħadd ikollu biżżejjed ċans ħalli jilqa’ għal dan l-impatt. Grech saħaq li l-grey listing hi realtà, u skontu din ma dħalniex fiha minħabba l-operat tal-Gvern. 

Grech sostna li għandha titranġa s-sitwazzjoni tan-negozji f’pajjiżna sabiex jingħataw l-għajnuna. Qal li l-piżjiet li ntefgħu fuq in-negozji mhumiex ġusti u għalhekk irid li titnaqqas il-burokrazija żejda. Għarraf li din se tkun “il-politika tagħna” u li din għandha tkun il-politika dejjem f’dal-pajjiż. Il-Partit Nazzjonalista ħa jkun qed jaħdem biex jitnaqqas il-piż tal-burokrazija, li skont Grech f’dawn l-aħħar sentejn żdied minflok naqas.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar l-ispejjeż li żdiedu fuq in-negozji kbar, medji u żgħar, u rrakkonta esperjenza ta’ individwu li daħal fi spiża żejda ta’ €40,000 fis-sena għax kellu jimpjega persuna biex jaċċerta ruħu li ikun compliant mar-regoli ġodda li nħolqu. Grech stieden lill-poplu sabiex jikkonferma jekk sabx għajnuna biex iġorr l-piżijiet tal-grey listing u tal-operat ta’ dal-Gvern.

Gvern Nazzjonalista  se jkun qed jinċentiva lin-nies biex jinvestu, għax skont Grech l-investiment tan-nies hu l-ġebel li fuqu se jkompli jinbena dal-pajjiż. Barra minn hekk, Grech ħabbar li Gvern Nazzjonalista se jkun qed jinvesti f’setturi ekonomiċi ġodda u sostna li l-fatt li kunċett ikun jeżisti diġà ma jfissirx li jeżisti l-pilastru ekonomiku. 

Fil-fehma ta’ Grech, il-Partit Nazzjonalista dejjem kien “pro-business”, u għalhekk bħala Partit ħass il-bżonn li jindirizza numru ta’ inċentivi biex jgħin lin-negozji, fosthom nuqqas ta’ taxxa għall-kumpaniji u għall-individwi. Tkellem ukoll dwar it-transfer tal-kumpaniji u qal li dak li wieħed ikun akkwista bis-sagrifiċċji, m’għandux joqgħod iħallas biex jaqleb kollox fuq uliedu. Gaħldaqstant mhux se jibqa’ taxxabbli.

Skont Grech l-għażla fis-26 ta’ Marzu hija bejn xi ħadd li jaf xi jrid u jaf fejn kapaċi jasal, u xi ħadd li mhux ippreparat. Huwa sostna li fis-26 ta’ Marzu hemm bżonn “Bidla li tiftaħ il-bieb għall-kredibbiltà li jixraq lil dal-pajjiż” u wiegħed Gvern li jkun immexxi minnu u li joħloq klima ġusta. Sostna li pajjiżna qiegħed f’qagħda li jrid jagħżel liema triq jaqbad: jew dik tas-sottomissjoni jew inkella tal-libertà.

Fl-aħħar nett għalaq id-diskors tiegħu billi qal li jagħti kelmtu illi dak li jwiegħed iwettqu u siteden lill-poplu sabiex flimkien joħolqu l-bidla ħalli dal-pajjiż ikompli miexi ’l quddiem.

Ekonomija

Sport