Wednesday, December 25, 2024

Bernard Grech kien instab ħati darb’oħra b’disprezz fil-konfront tal-Qorti

Aqra wkoll

Wara li żveljna kif l-Avukat Bernard Grech, kandidat għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, is-sena li għaddiet kien ordnat iħallas €200 wara li nstab ħati b’disprezz lejn il-Qorti wara li ma informax lill-Qorti li ma kienx se jattendi għal seduta, Inewsmalta tinsab informata li din mhix l-ewwel darba tul il-karriera ta’ Grech bħala Avukat.

Tant li f’ċirkostanza oħra li tmur għal seduta fl-4 ta’ Lulju tal-2003, Grech kien instab ħati wkoll ta’ disprezz fil-konfront tal-Qorti u kien ordnat iħallas Lm50. Inewsmalta tinsab informata li dan id-disprezz eventwalment kien ġie maħfur wara rikors li kien għamel l-istess Grech.

Matul dawn l-aħħar ġimgħat qabel l-elezzjoni għat-tmexxija tal-PN fit-3 ta’ Ottubru li ġej, Grech spiċċa fil-mira ta’ kritika ħarxa minħabba kwistjoni ta’ taxxa u VAT mhux imħallsa. Biex jirregolarizza ruħu, anke fid-dawl tal-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit, Grech ħallas madwar €30,000 f’taxxi mhux imħallsa.

Huwa mifhum li din iċ-ċifra tkopri nuqqasijiet mifruxin fuq numru ta’ snin.

F’filmat li kien ippubblika fuq il-midja soċjali, Grech saħaq li kien messu evita din is-sitwazzjoni fiskali. “Stajt kont aktar attent biex din is-sitwazzjoni ma tiġrix,” saħaq Grech.

Żied jgħid li jifhem li bħala politiku jrid ikun “ferm aħjar minn hekk. Nemmen li l-politiċi għandhom riga aktar għolja ta’ kif iġibu ruħhom fil-ħajja pubblika.”

Intant nhar it-Tnejn li għadda Grech evita milli jwieġeb mistoqsijiet ta’ ġurnalisti dwar jekk hux se jkun qed jippubblika s-sors tal-flus li huwa ħallas bihom t-taxxa dovuta.

Meta mistoqsi mill-ġurnalisti preżenti dwar jekk hux se jippublika s-sors tal-flus li bihom ħallas l-eluf ta’ ewro dovuti wara snin ma jagħmilx dan, huwa wieġeb li għamel dan bi flus tal-familja.

Fl-elezzjoni li se tiżvolġi fi ftit jiem oħra, Grech se jkun qed jikkontesta t-tmexxija tal-Partit lill-kap attwali Adrian Delia, b’dan tal-aħħar ukoll mhuwiex estranju għal problemi finanzjarji. Fl-2018 l-awtoritajiet tat-taxxa kienu qablu l-ħlas fir-rigward tal-ħlas ta’ €81,000 mal-Partit Nazzjonalistas u l-kap Nazzjonalista fir-rigward ta’ taxxi mhux imħallsa.

Kemm Delia u kif ukoll Grech issottomettew informazzjoni finanzjarja lill-kummissjoni tal-PN inkarigata li twettaq eżerċizzju ta’ due diligence fil-konfront tal-kandidati prospettivi.

Grech baqa’ ma weġibx għal mistoqsijiet ulterjuri li ntbagħtulu minn dan is-sit.

https://www.inewsmalta.com/2020/09/bernard-grech-kien-instab-hati-bdisprezz-lill-qorti/
Ekonomija

Sport