Monday, November 11, 2024

“Bħal dan il-ħin seba’ snin ilu kont f’xifer il-mewt … mingħajrhom kieku llum m’iniex hawn”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Bħal dan il-ħin seba’ snin ilu numru ta professuri, tobba, infermieri u oħrajn kienu għaddejjin b’ħidma intensiva biex isalvawni minn ħalq il-mewt”. Iddikjara dan is-Sindku Mellieħi Dario Vella ftit tal-ħin ilu fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook.

Vella kompla biex jgħid li llum għalkemm jgħix b’diżabbiltà ma jistax ma jirringrazzjax lill-ħaddiema kollha fis-settur tas-saħħa. Kompla biex jgħid li sfortunatament ħafna drabi ma nifhmux l-impenn tagħhom u ngħidu biss li qed jagħtu servizz.

F’perjodu ta’ tliet xhur, is-Sindku tal-Mellieħa għamel seba’ operazzjonijiet fejn tnejn minnhom kienu ta’ tmien sigħat il-waħda. Barra minn hekk huwa għamel ġranet sħaħ fl-ITU fejn kien taħt sorveljanza ta’ 24 siegħa kuljum. Spjega li f’dan l-istess perjodu kien bżonn madwar seba’ boroż demm u hemmhekk seta’ jinnota d-dedikazzjoni ta’ dawk il-ħaddiema

“M’iniex qed nikteb hekk biex wiħed jitħassarni, imma niddejjaq meta nidħol fil-midja soċjali u nara kritika kontra dawn in-nies. Nifhem li ħadd mhu perfett u jkun hemm nuqqasijiet ukoll pero għandna naprezzaw iktar il-ħidma kontinwa ta dawn in-nies”, temm Vella filwaqt li mill-ġdid irringrazzja lil dawk li bis-saħħa tagħhom jinsab fi stat li jista’ jikkomunika dan il-messaġġ.

Sport