Sunday, May 4, 2025

Bħal-lum għaxar snin ilu…  Inawgurazzjoni u l-ewwel seduta fil-binja l-ġdida tal-Parlament

Aqra wkoll

Kien eżatt l-4 ta’ Mejju tal-2015 li fil-binja tal-Parlament il-ġdid iddisinjat mill-arkitett famuż Renzo Piano, saret l-ewwel seduta Parlamentari wara ċerimonja tal-inawgurazzjoni tal-binja mill-President tar-Repubblika ta’ dakinhar, Marie Louise Coleiro Preca.

Dakinhar, ghall-ewwel darba, il-Parlament Malti beda jiltaqa’ f’binja li kienet maħsuba apposta biex tintuża bhala Parlament u mhux f’sala fil-Palazz tal-Gran Mastru kif kien qabel. 

Qabel din il-binja il-Parlament Malti kien jiltaqa’ f’żewġ sede differenti. Sas-sena 1976 il-Parlament kien jiltaqa’ fis-Sala tal-Arazzi fil-Palazz u wara is-Sala tal-Armerija kienet mibdula f’sala li sservi bhala l-Kamra tar-Rapprezentanti. L-Armerija tal-Palazz kienet ġiet  trasferita f’parti oħra tal-Palazz imma llum reġgħet sabet postha fil-post propju tagħha.

L-inawgurazzjoni tal-Binja saret mill-President Maire Louise Coleiro Preca fil-preżenza tal-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Bususttil. Il-binja l-ġdida kienet tbierket mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. 

Din il-binja hija parti mill-progett tal-Perit Renzo Piano għad-daħla tal-Belt Valletta. Hija binja magħmula minn zewg binjiet. Waħda li sservi bhala l-Kamra tad-Deputati u l-oħra bħala binja amministrattiva fejn hemm bosta uffiċji, fosthom uffiċji tal-Ministri, u swali oħra fejn isiru laqgħat ta’ Kumitati tal-Kamra u laqgħat oħra li jkun hemm il-ħtieġa tagħhom.

Fil-livelli ta’ taħt l-art taż-żewġ binijiet hemm uffiċji u facilitajiet oħra u fil-livell tal-foss tal-Belt hemm kumpless ta’ arkivju tal-istess Parlament. 

Il-bidu tas-seduti tal-Parlament f’din l-binja wassal biex illum kull seduta parlamentari hija trasmessa fuq it-televiżjoni u l-Parlament ghandu stazzjon tal-televiżjoni esklussiv għalih. Apparti dan, is-Seduti tal-Kumitati tal-Kamra għandhom ukoll il-faċilitajiet meħtieġa biex jiġu streamed jew imxandra. Dan il-fatt huwa meqjus bħala avvanz ewlieni li qed jagħti lin-nies aċċess dirett għall-attivita parlamentari.  

Il-bini ta’ dan il-Parlament ġie ffinanzjat permezz ta’ ftehim mal-kumpanija Malita u l-Grand Harbour Regeneration Corporation, li kienet l-entità tal-gvern li kkordinat ix-xoghlijiet. Hekk kif ġie elett Gvern Laburista f’Marzu tal-2013, wieħed mill-ewwel impenji tal-Gvern kien li jara li dan il-proġett tad-daħla tal-Belt Valletta inkluż il-binja tal-Parlament jingħata l-ispinta li kien hemm bżonn minħabba li bosta xogħlijiet kienu waqgħu lura. Dr Stefan Zrinzo Azzopardi kien inħatar Chairman tal-Grand Harbour Regeneration Corporation biex jara li l-proġett kollha jitwassal għat-tlestija tiegħu.

Id-disinn ta’ din il-binja huwa wieħed modern iżda li jaghmel użu estensiv mis-sbuħija tal-ġebla Maltija li inqagħet minn barriera f’Ghawdex. Meta kien gġie propost id-disinn kien hemm diskussjoni wiesgħa u kultant kontroversjali dwar dak li kien gie propost peress li l-binja għandha xeħtha moderna. Iżda jidher li llum hawn qbil ġenerali li l-binja tal-Parlament Malti fid-daħla tal-Belt Valletta hija tassew proġett arkitettoniku sabiħ li jsib l-ammirazzjoni mhux biss tal-Maltin iżda anke tal-eluf ta’ turisti li jżuruna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport