Bħala kunsill Belti magħqudin b’mod unanimu kontra l-applikazzjoni ta’ stabbiliment qrib il-Knisja Ta’ Ġieżu

 - Olaf McKay, Sink tal-Belt Valletta

Aqra wkoll

Quddiem il-kontroversja li nqalgħet dwar l-applikazzjoni għal proposta ta’ stabbiliment fil-viċinanzi tal-Knisja Ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta, is-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf McKay f’kummenti lil L-ORIZZONT iddikjara li llum il-kunsill lokali hu magħqud b’mod unanimu u se joħroġ stqarrija unanima bl-oġġezzjonijiet dar din l-applikazzjoni.  

Is-Sindku qalilna li “llum il-kunsill Belt hu magħqud kontra din l-applikazzjonijiet. Il-kunsilliera Nazzjonalisti ukoll esprimew l-oġġezzjonijiet tagħha u se noħorġu komunikat bħala kunsill. Irrid ngħid li aħna bħala kunsill ma nagħtux permessi għal imwejjed, jew biex ikun hemm żfin minn nisa fi stabbilimenti. Bħala kunsill m’aħniex responsabbli mill-infurzar.  Fil-belt hemm abbuż, għax hemm min għandu permess għal ftit imwejjed imma għandu ħafna aktar.”

Intant hekk kif faqqgħet il-kontroversja, bil-pubblikazzjoni ta’ ritratti ta’ nisa b’nofs ilbies jiżfnu fit-taraġ ftit bogħod mill-Knisja Ta’ Ġieżu, il-kunsilliera tal-Partit Laburista ħarġu stqarrija. Huma ddikjara hekk: “Solidarjetà u appoġġ assolut mal-Patrijiet Franġiskani, mal-Knisja ta’ Ġieżu u mal-komunità kollha li tgħożż b’tant qima dan il-post, mogħni bi storja, fidi u devozzjoni il-Knisja ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta. Flimkien ma’ sħabi il-Kunsill lokali tal-Belt Valletta, se nkunu qed inressqu l-oġġezzjoni tagħna għal-applikazzjoni PA/05005/26 b’mod sħiħ, ċar, b’messaġġ wieħed u b’saħħtu.”

Intqal li “flimkien se nagħmlu dak kollu li nistgħu fil-parametri li tagħtina l-liġi fi ħdan il-Gvern lokali. Sfortunatament, fejn jidħlu l-infurzar, il-policy u r-riżorsi, il-Kunsill Lokali huwa limitat u jiddependi mill-awtoritajiet kompetenti.  Iżda dan mhux se jwaqqafna milli nsemmgħu leħinna u niddefendu l-interessi tal-komunità. Ir-rapporti tagħna fejn jidħol l-infurzar ma jieqfu qatt, inkluż f’din iż-żona u f’diversi żoni oħra, kemm filgħodu kif ukoll fis-sigħat tard matul il-lejl. Il-ħarsien tal-ispazju pubbliku, tal-wirt storiku tagħna u tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti għandu jiġi qabel kull interess ieħor.”

L-istqarrijiet kienet tenniet li “aħna favur Belt ħajja, vibranti u b’ekonomija b’saħħitha, iżda għalina jiġu l-ewwel ir-residenti, il-komunità u l-kwalità tal-ħajja tagħhom. Il-pożizzjoni tagħna hija waħda ċara u soda: se niddefendu l-Knisja ta’ Ġieżu u l-komunità tagħna b’kull mezz disponibbli.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport