Thursday, May 29, 2025

“Bħala MCAST, dejjem naraw li niżviluppaw l-istudenti tagħna b’mod ħolistiku”

- Ronald Curmi – Deputat Prinċipal tal-MCAST

Aqra wkoll

L-edukazzjoni hija l-pedament tal-iżvilupp personali u soċjali, u l-għodda li tippermetti lill-individwu jikseb għarfien, ħiliet u valuri li jgħinuh jiffaċċja l-isfidi tal-ħajja b’kunfidenza u responsabbiltà.

Permezz tal-edukazzjoni, persuna ssir aktar konxja tad-dinja ta’ madwarha u kapaċi tieħu deċiżjonijiet infurmati. Fl-ambitu soċjali, l-edukazzjoni tippromwovi l-ugwaljanza u tnaqqas id-differenzi bejn il-gruppi differenti. Barra minn hekk, l-edukazzjoni tgħin fil-promozzjoni ta’ valuri bħall-ġustizzja, ir-rispett u t-tolleranza, li huma fundamentali għal soċjetà armonjuża.

Fost it-taħriġ u t-tagħlim edukattiv f’Malta nsibu wkoll il-Kulleġġ Malti tal-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) li huwa l-istituzzjoni ewlenija f’Malta għall-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ tekniku. Imwaqqaf fl-2001, MCAST joffri aktar minn 200 kors full-time u aktar minn 300 kors part-time, li jvarjaw minn ċertifikati sa dottorati (MQF Livell 1 sa 8). Dan il-kulleġġ jinkludi sitt istituti ewlenin: l-Istitut tax-Xjenzi Applikati, l-Istitut għall-Arti Kreattiva, l-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport, l-Istitut tas-Servizzi Komunitarji, u l-Istitut tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni.

Minn Ottubru li ġej se jiżdied ukoll l-Istitut għall-Isnajja. Dawn l-istituti joffru korsijiet f’diversi oqsma bħall-inġinerija, is-saħħa, l-IT, l-arti, u n-negozju. Għaldaqstant l-MCAST għandu diversi ċentri f’Malta u Għawdex, inkluż il-kampus prinċipali f’Raħal Ġdid. Il-kulleġġ jikkollabora wkoll ma’ istituzzjonijiet internazzjonali u jifforma wkoll parti minn allejanza ta’ universitajiet Ewropej EU4Dual li jispecjalizzaw fi dual studies, jiġifieri programmi li jinkludu tagħlim akkademiku vokazzjonali u tagħlim fuq il-post tax-xogħol. L-istituzzjoni MCAST tiffoka kemm fuq taħriġ prattiku u anke fuq dak akkademiku, biex jipprepara lill-istudenti biex jidħlu fis-suq tax-xogħol b’ħiliet konkreti u kwalifiki rikonoxxuti internazzjonalment.

Riċentement sar investiment mill-Gvern ta’ madwar €45 miljun sabiex il-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) u l-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT) laħqu ftehim kollettiv ġdid li jinkludi żidiet sinifikanti fil-pagi u titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-edukaturi u l-ħaddiema tal-kulleġġ. Dan il-ftehim jirrikonoxxi l-professjonalità tal- akkademiċi u jinkludi wkoll titjib għall-karrieri tat tekniċi, konsulenti, u edukaturi ta’ appoġġ. Il-ftehim jiffoka wkoll fuq l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-persunal, biex jiżgura li l-istudenti jirċievu edukazzjoni ta’ kwalità għolja u rilevanti għas-suq tax-xogħol. Dan l-investiment mhux biss mistenni jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema, iżda wkoll jikkontribwixxi għal esperjenza edukattiva aħjar għall-istudenti.

Il-ftehim kollettiv jindirizza ukoll il-kwalità fil-klassi u ħarsien tal-istudent biex tkompli tittejjeb l-esperjenza edukattiva. Dan kollu se jkun qed isaħħaħ l-esperjenza tal-istudent u jagħtih futur ċar b’għażliet konkreti biex javvanza fil-ħajja.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, iddikjara li l-ftehim kollettiv il-ġdid għall-edukaturi u l-ħaddiema tal-MCAST jindirizza diversi aspetti relatati mal-professjonijiet varji taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu. Dan jinkludi titjib finanzjarju sostanzjali u kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba. Grima enfasizza l-ħtieġa li s-sistema edukattiva tkun proattiva u tirrifletti r-realtajiet tal-lum, u li l-istudenti jibqgħu fiċ-ċentru tal-proċess edukattiv.

Il-Prinċipal tal-MCAST, Stephen Vella, irrimarka li dan l-investiment jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tal-edukaturi u l-impjegati tal-Kulleġġ, li jaħdmu b’dedikazzjoni għall-eċċellenza u li qed iħejju l-mexxejja ta’ għada. Huwa saħaq li dan l-investiment mhux biss jappoġġja lill-ħaddiema, iżda wkoll lill-istudenti li jfittxu li jikbru bħala individwi u professjonisti, li jixtiequ jikkompetu fuq livell internazzjonali, u li qed ifittxu esperjenza edukattiva li tibdilhom ħajjithom.

Tkellimna mad-Deputat Prinċipal tal-MCAST, is-Sur Ronald Curmi dwar dan il-ftehim li nistgħu nsejħulu storiku, li għalih kien hemm ħafna aspettativa, diskussjonijiet twal, u tlabna jagħtina d-dettalji kollha ta’ x’wassal biex intlaħaq għal dan il-ftehim, u dwar il-ħidma fil-ministeru tal-ministeru tal-Edukazzjoni, u hu qalilna li “kull ftehim kollettiv ikun hemm negazjati intensivi, li jkunu involuti fih l-IRU, mal-MUT, is-Segretarju Permanenti Ewlieni u wkoll il-ministeru, jiġifieri l-impenn kien mill-awtoritajiet kollha biex intlaħaq dan il-ftehim fuq il-bażi ta’ kif nistgħu nimxu ’l quddiem bħala organizzazzjoni, u dan il-ftehim, huwa ftehim kollettiv kumpless peress li jkopri diversi gradi li għandhom bżonnijiet u ħtiġiet ta’ xogħol differenti, u  ikopru diversi rwoli fi ħdan l-MCAST , jiġifieri mill-aministrazzjoni sal-letturi.”

Staqsejna wkoll xi rwol għandha l-Mcast illum fis-soċjetà Maltija u speċjalment fejn tidħol l-edukazzjoni, u qal li “l-MCAST,  għandu rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-human capital lokali, u jekk tara wkoll x’qed jiġri fuq il-livell Ewropew, qed tingħata importanza u ħidma sħiħa fuq il-parità fl-istima bejn l-istudji vokazzjonali u l-istudji akkademiċi fejn għalkemm l-ebda wieħed mhu aktar importanti minn ieħor, il-parità fl-istima hija importanti, jiġifieri li l-istudenti jkollhom għażla ċara quddiemhom u jagħmlu din l-għażla mingħajr influwenzi, għaliex qed jinħass ħafna n-nuqqas fl-oqsma vokazzjonali, u hemm bżonn ta’ tekniċi u nies imħarrġa fl-oqsma li aħna nipprovdu. Għalhekk għandna funzjoni kumplimentrali biex l-oqsma tax-xogħol fl-ekonomija Maltija jkunu jistgħu jiffunzjonaw b’mod ħolistiku.”

Hija għalhekk ħafna importanti u fundamentali l-edukazzjoni fl-iżvilupp ħolistiku tal-persuna, u “bħala MCAST, dejjem naraw li ngħinu l-istudenti tagħna jiżviluppaw b’mod ħolistiku, anke minħabba l-fatt li fil-maġġoranza tal-korsijiet tagħna ninkludu dak li nsejħulu Work-based Learning, jiġifieri tagħlim fuq il-post tax-xogħol, kemm bħala taħriġ, u dan għaliex l-istudenti jkollhom bżonn ħafna ħiliet fosthom hiliet trasversali li l-industrija tant titlob, u nistgħu niżviluppawhom flimkien.

Allura l-bilanċ bejn it-tagħlim fil-kulleġġ, u t-tagħlim fuq il-post tax-xogħol u l-kumplimentarità ta’ bejniethom hija importanti, u l-MCAST dejjem jaħdem biex nilħqu din il-kumplimentarità u dak li nsejħulu dual learning, jiġifieri tagħlim fuq il-post tax-xogħol u tagħlim fl-edukazzjoni biex l-istudent jiżviluppa b’mod ħolistiku anke jkun produttiv sa mill-istadji bikrin tal impieg tiegħu. Ħafna mill-istudenti tagħna jibqgħu impjegati mal-istess sponsor ma min jkunu għamlu l-apprentistat jew il-placement, u dan jagħtihom għarfien tajjeb fuq il-post tax-xogħol, biex meta mbagħad jieħdu l-istat tagħhom full time jkunu diġà jafu l-organizzazzjoni u l-proċessi tax-xogħol sewwa, għalhekk jkunu jistgħu jkunu produttivi sa mill-istadju bikri tal-impjieg tagħhom.”

Għal dawk l-istudenti li bħalissa qed jispiċċaw l-O levels u jixtiequ jaraw x’korsijiet hemm offruti mill-istituzzjoni MCAST, kemm fl-20 ta’ Ġunju fil-binja tal-MCAST  f’Raħal il-Ġdid u fit-22 ta’ Ġunju fil-Mosta ser isiru open days li għalihom jistgħu jattendu biex jaraw l-MCAST,  x’joffri bħala korsijiet, x’jitgħallmu fuq il-post tax-xogħol, tara l-investiment fir-riżorsa umana u jiltaqgħu mal-letturi li jgħallmu ġewwa l-MCAST u anke ma’ min imexxi l-istituti. Dan ser ikun miftuħ ukoll għall-pubbliku kollu u huwa avveniment ta’ interess fejn wieħed ikun jista’ jara kif jitmexxa dan il-kulleġġ u jibdew jaraw kif se jibnu l-futur tagħhom u eventwalment biex jagħżlu l-impjieg li jkun l-aktar għal qalbhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport