Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imhabba tiegħek lejn l-atletika?
Minn dejjem kont inħobb insegwi l-atletika speċjalment fiż-żminijiet fejn ikun hemm l-Olimpjadi għaddejjin, peró, kien propju għaxar snin ilu fejn tħajjart nagħmel l-ewwel tellieqa tiegħi, in-Nofs Maratona ta’ Malta. Onestament, ma kontx naf kif għandi nipprapara għaliha, peró bi sfida miegħi innifsi ridt nara jekk hux kapaci inlesti nofs maratona. Minn wara l-ewwel tellieqa, l-imħabba lejn l- atletika baqgħet iżżid u bqajt nipparteċiipa kull sena fin-nofs maratona, sakemm madwar ħames snin ilu għamilt kuntatt ma’ kowċ tal-ġiri u bdejt nieħu dan l-isport bis-serjetá.
X’suċċessi maġġuri rbaħt fil-karriera tiegħek sa issa?
L-ikbar suċċess sa issa kien li rrapreżentajt lil Malta darbtejn fil-European off road running Championships li saru f’La Palma, Canary Islands (2022) u Annecy, Franza (2024). Dawn huma tlielaq li ma jsirux fit-triq imma qalb in-natura u jkun fihom ħafna tlajja u nżul. Hawnhekk, issib l-aħjar atleti fl- Ewropa u għalkemm hawn Malta neqsin mill-muntanji, allura diffiċli ħafna nitħarrġu għal dat-tip ta’ tlielaq, qed jirnexxilna niksbu riżultati raġjonevoli ħafna, fejn saħansitra qed nikkompetu ma’ pajjiżi bħall-Portugal, l-Irlanda, l-Olanda, l-Ungerija u iktar.
Fil-jiem li għaddew ħadt sehem b’suċċess fin-Nofs Maratona ta’ Napoli. Agħtina iktar dettalji.
Hekk hu, fil jiem li għaddew kelli l-oportunitá li nitla’ nikkompeti Napoli fin-Nofs Maratona. Din it-tiġrija hi ċertifikata minn World Athletics. Dan ifisser li r-rotta ġiet imkejla bl-eżatt u timxi mar-regolamenti tal- World Athletics, għalhekk il-ħin ikun eleġibbli għal rekords nazzjonali, minimum qualification standards u iktar, xi ħaġa li hawn Malta ftit huma dawk it-tlielaq li għandhom dan iċ-ċertifikat.
L-esperjenza kienet waħda tajba ħafna fejn irnexxieli ntejjeb il-ħin tiegħi bi kważi 50 sekonda (1:09:33). Ir-raġuni primarja għaliex ridt immur nagħmilha kienet li l-kompetizzjoni hi għolja u b’hekk, inkun nista’ nagħti l-aħjar possibli għax ikolli ma’ min niġri waqt it-tellieqa.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Għalkemm għadna ‘l bogħod mil-livell internazjonali, li huwa żgur hu li qed jirnexxielna nnaqsu d- differenza. Bħalissa, dan huwa wieħed mill-aqwa żminijiet li qegħdin fih. Biss biss jekk tieħu l-ħinijiet li konna qed niksbu għaxar, ħames snin ilu u tikkumparahom ma’ tal-lum, hemm qabża kbira. Fejn qabel tellieqa tal-ħames kilometri kienet qed tintrebaħ f’16-il minuta, illum nagħmlu 15-il minuta baxxi u lanqas tiġi mal-ewwel ħamsa.
Bħalissa qed naraw rekords nazzjonali jinkisbu kważi kull xahar u hawn grupp ta’ atleti ta’ diversi etajiet, kemm kbar fl-etá, kif ukoll żgħar, li qed ninbuttaw lil xulxin biex inkomplu ntejbu l-ħinijiet.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
Fl-aħħar snin rajna progress ukoll fil-faċilitajiet sportivi fejn nitħarrġu u dan jgħinna ħafna biex inkomplu nagħmlu progress, peró, meta tqis li ħafna mit-taħriġ tagħna jsir fit-toroq, minħabba li jkollna ammont sostanzjali ta’ kilometri li rridu nagħmlu u li ma jistax ikun li jsiru fit-trakka, juri biċ-ċar li għandna bżonn ċerti postijiet jingħalqu għat-traffiku fejn inkunu nistgħu nitħarrġu b’moħħna mistrieħ li mhux ħa jsir xi aċċident. Hawn ċerti postijiet bħal Ta’ Qali fejn jekk jingħalqu f’ċerti ħinijiet matul il-ġurnata, ma nkunux qed intellfu lil ħadd u l-karozzi jistgħu isibu alternattivi biex jevitaw dik iż-żona.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Għaż-żmien li ġej, ħa nkun qed inkompli nipprova ntejjeb il-ħinijiet tiegħi fuq id-distanzi ta’ 5k, 10k, Nofs Maratona u l-Maratona, bil-Maratona tkun il-prijoritá l-iktar għolja għalija.
Barra minn hekk, jien persuna li nieħu gost ħafna niġri qalb in-natura, iktar milli fit-toroq, u għalhekk din is-sena ħa nkun qed nerġa’ nipprova nikkwalifika biex nirrapreżenta lil Malta fil-World Mountain and Trail Running Championships li ħa jsiru f’Settembru li ġej ġo Spanja, dejjem jekk jittella’ tim nazzjonali.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Ħafna minn nies jaħsbu li biex ittejjeb il-ħinijiet għandek tiġri b’kemm għandek saħħa l-ħin kollu, u għalhekk jaqtgħu qalbhom malajr, mentri dan mhux minnu, għax ħafna mit-taħriġ tagħna ikun dak li ngħidulu ‘easy pace’. Allura, il-parir tiegħi huwa li tagħmlu r-riċerka, kemm jekk għadkom ħa tibdew jew anke jekk ilkom snin titħarrġu. Fuq l-internet hemm ħafna artikli, programmi tat-taħriġ u iktar li jgħinuk tibda fuq is-sieq it-tajba.
It-tieni parir tiegħi hu paċenzja. Illum il-maġġoranza tan-nies neqsin minna u jistennew li ħa jilbsu ż- żarbun tal-ġiri u jibdew jirbħu jew jaraw progress immedjatament, mentri dan mhux il-każ. Biex tasal viċin tal-quccata teħodlok snin u ħa jkun hemm żminijiet fejn ma tarax progress peró bi ftit paċenzja u konsistenza, kulħadd jirnexxielu jagħmel il-pass li jmiss.