Ilbieraħ kulħadd tħassar lil dak il-ħaddiem mill-Ghana misjub għal tulu fl-art jokrob bl-uġigħ wara li allegatament waqa’ żewġ sulari u l-imgħallen tiegħu xeħtu 2km ‘il bogħod mill-istess sit li kien qed jaħdem fih. Il-Pulizija se tkompli bl-investigazzjoni tagħha imma l-għafsa ta’ qalb tagħna sa fejn se twassal?
Forsi sakemm niġu bżonn biċċa xogħol ta’ strapazz u naraw kif inqabdu iswed b’€50 f’ġurnata?
Se naġixxu l-istess kif nilmħu xi ħadd b’karnaġġjon differenti mixi għall-affari tiegħu u nirreaġixxu daqslikieku se jaħtfilna lit-tfal? Kemm-il darba smajna nsulti lejn xi iswed kif ikun qabilna f’xi kju.
Bħallikieku ħinu jiswa inqas minn tagħna jew għax barrani għandu jċedilna.
Waqt li l-ħaddiem abbandunat kien qed jokrob wara t-tisbita, ħadd minna ma jisma’ l-krib wara kull tisbita li nagħtu minħabba l-preġudizzji tagħna.
It-traffikar tal-umani għandna niġġilduh bil-qawwa kollha. Tantieħor għandna ntejbu lilna nfusna kif nistmgħu ħajja ta’ bniedem.
Jekk nemmnu fl-imħabba ma nistgħux nemmnu li għandna xi dritt li ħajja nistgħu inħalluha tinqered jew inkunu aħna li noqtluha. Ikun xi jkun il-post, każ jew kundizzjoni ta’ persuna.
Kull azzjoni lejn ħaddieħor tiddiskrivi għemilna. Li għadda daqstant żmien u l-prekarjat għadna nsibuh f’pajjiżna huwa nuqqas kbir fuqna. L-għajta u d-direzzjoni ta’ iktar xogħol daħlitna fil-ħsieb li l-kejl tal-valur tal-ħajja mhux il-kwalità tal-għajxien imma l-prezz fil-but. Fil-ġirja għal dak li sirna naħsbu li hu suċċess, cioè li tibni imperu żgħir t’assi fl-inqas ħin possibbli, tgerbibna fil-veru valuri ta’ dinjità, kwalità u rispett lejna nfusna, lejn is-soċjetà u l-bniedem.
M’iniex l-ikbar fan tal-political correctness għaliex l-iswed ngħidlu iswed u l-abjad ngħidlu abjad però fil-ħajja ma nistgħux nibqgħu naraw kollox nejja jew maħruqa.
Atti bħalma rajna jikxfu biss parti minn soċjetà li ma nsejħilix razzista imma materjalista. Il-valur tal-ħajja m’għandna qatt nikkwantifikawh bit-titlu, pożizzjoni jew minn fejn ġejjin. Il-valur tal-bniedem hu iktar profond.
Ma rridx anqas li niefqu fuq dan il-każ billi nippuntaw subgħajna biex issir ġustizzja minn min traskurah u ramih. Nixtieq li lkoll kemm aħna nagħmlu ġudizzju tagħna nfusna biex almenu l-uġigħ ta’ dan il-bniedem iservi ta’ gwida lejn soċjetà li ma titkellimx fuq gwadann u suċċessi finanzjarji imma fuq żvilupp uman u suċċessi ta’ standards għola fl-istil ta’ ħajja li ngħixu.
Deputat Laburista | 3 distrett