Sunday, December 22, 2024

Biden iwiegħed l-appoġġ lil Florida wara l-qerda li ħalliet il-maltempata tropikali Idalia

Aqra wkoll

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden wiegħed li se jagħti lill-Florida l-appoġġ kollu li teħtieġ wara l-qerda li ħalliet il-maltempata tropikali Idalia.

Biden stqarr dan waqt żjara li għamel f’dan l-istat, fejn minn tal-inqas żewġ persuni huma rapportati mejta minn meta bdiet il-maltempata l-Erbgħa li għadda.

Huwa qal li l-ebda persuna “intelliġenti” ma tista’ tiddubita l-impatt tat-tibdil fil-klima wara l-maltempata.

Intant, il-Gvernatur Ron DeSantis għażel li ma jiltaqa’ mal-president waqt il-vjaġġ tiegħu. Huwa kien irrimarka li l-preżenza ta’ Biden setgħet tfixkel l-isforzi ta’ rispons f’każ ta’ diżastri bħal dawn.

Biden, li tkellem ma’ DeSantis diversi drabi fl-aħħar jiem, kien qal li se jiltaqa’ miegħu personalment. Iżda kelliem għal DeSantis qal li l-gvernatur ma kellu l-ebda pjan li jiltaqa’ mal-president, filwaqt li żied jingħad li t-tħejjijiet għas-sigurtà meħtieġa għal laqgħa bħal din “twaqqaf l-isforzi ta’ rispons li għaddejjin.”

Waqt iż-żjara tiegħu f’dan l-istat, Biden faħħar lil DeSantis u qal li ma kienx diżappuntat bl-assenza tal-gvernatur Repubblikan. Min-naħa l-oħra, Biden iltaqa’ ma’ Rick Scott, wieħed miż-żewġ senaturi Repubblikani tal-istat, u fisser dan bħala “sinjal ta’ assigurazzjoni” li t-tmexxija tal-istat u l-awtoritajiet federali kienu qed jaħdmu b’mod tajjeb flimkien.

Ekonomija

Sport