Il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti, nhar it-Tnejn ċaħdet ir-restrizzjonijiet tal-votazzjoni bil-posta li ried idaħħal Donald Trump u temmet sensiela ta’ azzjonijiet legali tal-aħħar minuta meta l-votazzjoni fl-elezzjonijiet ta’ nofs it-terminu diġà għaddejja. Id-deċiżjoni tal-qorti tippermetti lill-istati jkomplu jibagħtu l-voti bil-posta bl-istess proċessi li ilhom jużaw għal snin sħaħ.
L-amministrazzjoni ta’ Trump kienet talbet lill-qorti, għal darb’oħra fiċ-ċentru ta’ kontroversja politika mqallba, biex twitti t-triq għar-restrizzjonijiet qabel il-votazzjonijiet kruċjali ta’ Novembru għall-kontroll tal-Kungress. Il-każ għandu implikazzjonijiet kbar għaliex kważi terz tal-poplu jivvota bil-posta.
Kristen Clarke, il-konsulenta legali ewlenija tal-NAACP u eks-kap tad-diviżjoni tad-drittijiet ċivili fi ħdan id-Dipartiment tal-Ġstizzja strqarret li dak li l-amministrazzjoni Trump kienet qed tipprova tagħmel huwa allarmanti. Hija żiedet tgħid li dan kien tentattiv fl-aħħar mument mill-amministrazzjoni biex tfixkel il-mod kif in-nies jivvutaw bil-posta fil-pajjiż.
Il-każ tqanqal minn ordni eżekuttiva li ħareġ Trump fil-31 ta’ Marzu li għadda li timponi li l-uffiċċju postali joqgħod lura milli jwassal il-karti tal-vot għall-votazzjoni bil-posta lil votanti rreġistrati meqjusa ineliġibbli meta mqabbla mad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna u rekords federali oħra.
Gruppi tad-drittijiet ċivili, flimkien ma’ 23 stat u d-Distrett ta’ Columbia, fetħu kawża kontra l-amministrazzjoni biex twaqqaf ir-regola proposta, billi argumentaw li l-kostituzzjoni tal-Istati Uniti ma tipprovdi l-ebda awtorità lill-president biex joħroġ ordnijiet li jirregolaw l-amministrazzjoni tal-elezzjonijiet.
Uffiċjali elettorali sostnew li sempliċement ma kien hemm l-ebda mod kif titwettaq riforma sħiħa fil-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjonijiet ta’ nofs it-terminu. Fil-fatt, l-istati ta’ Alabama, North Carolina u Wisconsin diġa bdew jibagħtu l-karti tal-vot bil-posta lill-votanti matul il-ġimgħa li għaddiet waqt li s-sistema l-ġdida kienet għadha mhix attiva.
Uffiċjali Demokratiċi u gruppi tad-drittijiet tal-vot sfidaw ir-restrizzjonijiet fil-qorti, fejn argumentaw li l-president m’għandu l-ebda seta’ kostituzzjonali biex jistabbilixxi regoli elettorali li prattikament jeliminaw il-votazzjoni bil-posta lejlet elezzjoni ewlenija.
Il-qrati inferjuri qablu iżda mandat inizjali maħruġ mill-imħallef distrettwali tal-Istati Uniti Indira Talwani ġie revokat għal raġunijiet proċedurali f’Lulju, u ġie reintrodott wara li l-USPS ippubblika regola finali dwar it-tqassim tal-voti.
L-amministrazzjoni Trump appellat lill-qorti suprema, fejn argumentat li l-kontroll federali tas-servizz postali jippermettilhom jistabbilixxu regoli għall-immaniġġjar tal-voti bil-posta u li l-konformità kienet possibbli.
Trump ilu żmien twil jopponi l-votazzjoni bil-posta u b’mod falz kien anki attribwixxa t-telfa tiegħu fl-elezzjoni tal-2020 kontra Joe Biden għaliha, minkejja li hu stess spiss juża dan il-metodu biex jivvota, inkluż din is-sena stess.
