“Sibthom f’Marsamxett imwaħħlin mal-art bil-kolla tal-ġrieden”- Artist Cordina

Aqra wkoll

“Jien dejjem Marsamxett. Noħroġ bid-dgħajsa minn hemm. Ftit tal-jiem ilu inżilt mid-dgħajsa u kien id-dlamm u bħal smajt twerżieq ta’ xi ħaġa żgħira… ħsibt li kienu xi ġrieden…”

Hekk stqarr magħna Arist Cordina li fl-aħħar jiem sab żewġ frieħ ta’ papri mwaħħlin mal-art bil-kolla tal-ġrieden.

Cordina jgħidilna li l-għada filgħodu reġa’ mar fuq id-dgħajsa u qabel ma tela’ reġa’ sema l-istess ħoss. “Ħarist ‘l hemm u ‘l hawn u rajt żewġ frieħ ta’ papri mwaħħlin bil-kolla tal-ġrieden mal-art,” jgħidilna Arist Cordina waqt li kien qiegħed jitkellem ma’ dan il-ġurnal.

Waqt li konna qegħdin nitkellmu ma’ Cordina stajna nintebħu bl-imħabba li għandu għal annimali tant li beda jirrakkonta wkoll kif kien iżomm il-kelb tiegħu u l-għajnuna li jagħtu b’risq l-annimali.

Jgħidilna li f’Marsamxett hemm ammont mhux ħażin ta’ papri. “Dawn meta neħħew il-papri minn Manoel Island ġabu ħafna minnhom hawn… oħrajn ittieħdu f’postijiet oħrajn. Iżda l-problema tal-papri, apparti l-ħmieġ li jagħmlu hi li jagħmlu ħafna żgħar u għalhekk il-popolazzjoni tagħhom tikber malajr ħafna…” ikompli jgħidilna Cordina.

Nistaqsu lil Cordina biex jgħidilna aktar dwar dakinhar li sab il-frieħ tal-papri. “Jien hekk kif sibthom indunajt mill-ewwel li waħda minnhom kienet mejta… l-oħra kienet għadha ħajja u għalhekk bdejt nipprova nneħħiha minn mal-kolla li kienet imwaħħla bih.”

“Irrid ngħid li minkejja s-servizzi kollha li hawn tal-annimali fejn jidħlu papri selvaġġi ma tantx sibt għajnuna. Ċempilt fuq lil ċempilt lill-għaqdiet mhux Governattivi u anke lil Animal Walfare, iżda ftit li xejn sibt għajnuna mingħandhom…” jgħidilna Cordina.

Jirrakkonta li mbagħad tkellem ma’ 153 u qalulu li kien hemm klinika tal-annimali miftuħa sat-8.00 p.m. “Mort hemm u l-VETs mill-ewwel bdew ħidma biex isalvawha. Irnexxielhom inaddfu l-papra u b’xi mod dehret li se tgħix. Il-VET qaltli x’għandi mmur nixtri bħala ikel u fil-fatt hekk għamilt u mort bil-papra b’kollox id-dar. Ħallejtha f’xugaman biex tibqa’ sħuna… iżda ftit tas-sigħat wara minkejja li tmajta u ħadt ħsiebha l-papra mietet…” jgħidilna Cordina.

Ir-raġel jagħmel appell… “Ilni ngħid ħafna u nibqa’ ngħid… il-kolla tal-ġrieden għandha tkun illegali li tinxtara. Din qed tagħmel ħsara kbira lill-annimali… Din il-kolla qiegħda titpoġġa f’postijiet bil-ħsieb li jinqabdu l-ġrieden, iżda qegħdin jeħlu magħhom annimali oħrajn…” itemm jgħid Cordina lil dan il-ġurnal.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport