Wednesday, January 15, 2025

Biden jagħti 39 maħfra presidenzjali u jibdel mal-1,500 sentenza

Aqra wkoll

Il-President Amerikan Joe Biden ta maħfra presidenzjali lil 39 Amerikan misjuba ħatja ta’ reati mhux vjolenti u biddel sentenzi ta’ kważi 1,500 persuna oħra, inklużi kundanni dwar skemi ta’ frodi li jlaħħqu miljuni ta’ dollari. 

Il-White House iddeskriviet dan bħala l-akbar att ta’ klemenza presidenzjali li qatt ingħata f’ġurnata waħda. Dan kollu qed iseħħ wara li Biden ħa wkoll id-deċiżjoni li jagħti maħfra lil ibnu stess, Hunter Biden, li kien qed jaffaċċja akkużi b’rabta ma’ evażjoni ta’ taxxa u pussess ta’ arma tan-nar. 

Waqt li ħabbar li se jkunu qed jingħataw dawn il-maħfriet, Joe Biden enfasizza li dawn il-persuni kienu “wrew rijabilitazzjoni ta’ suċċess u impenn biex jagħmlu l-komunitajiet tagħhom aktar b’saħħithom u sikuri.” 

Il-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti tiddikjara li president għandu setgħa wiesgħa li jagħti maħfriet għal reati kontra l-Istati Uniti, ħlief f’każijiet ta’ impeachment. 

Fis-sigħat li għaddew, il-White House ħarġet ukoll il-lista tad-39 persuna li ngħataw maħfra u qalet li dawn l-individwi wettqu jew “reati mhux vjolenti” jew “reati dwar droga li ma kinux jinkludu vjolenza”. Dan filwaqt li ma semmietx ir-reati speċifiċi li tagħhom kienu misjuba ħatja. 

Barra minn hekk, bosta minn dawk li ngħataw il-maħfra kienu individwi li kienu għadhom kif ħarġu mill-ħabs. Fost dawn kien hemm raġel ta’ 49 sena residenti Virginia li kien instab ħati ta’ reat dwar droga fl-età ta’ 21 sena. Waqt li skonta s-sentenza tiegħu, huwa kellu karriera ta’ suċċess fl-Armata tal-Istati Uniti u l-Air Force kif ukoll kien voluntier f’organizzazzjonijiet tal-karità li jagħtu appoġġ lill-veterani. 

Il-White House qalet li dan ir-raġel huwa magħruf għall-impenn ud-dedikazzjoni tiegħu u huwa meqjus bħala persuna affidabbli fost dawk li jafuh.

Fir-rigward tal-1499 sentenza l-oħra li ġew mibdula jingħad li dawn kienu ngħataw lil individwi li tpoġġew jew f’arrest ġewwa djarhom matul il-pandemija tal-Covid-19 kif ukoll lil dawk li s-sentenzi tagħhom Biden qieshom bħala twal wisq minħabba “liġijiet antiki”. “Dawn il-persuni wrew li jistħoqqilhom it-tieni ċans,” sostna Biden li wiegħed ukoll li se jieħu aktar passi fil-jiem li ġejjin.

Il-mandat tal-President Biden se jintemm fl-20 ta’ Jannar 2025, meta dakinhar jiġi inawgurat is-suċċessur tiegħu Donald Trump. 

Sport