In-Nazzjonijiet Uniti twissi dwar l-urġenza li jiġu restawrati l-foresti

Aqra wkoll

Id-dinja qed tiffaċċja “tieqa dejjem tiċkien” biex tirrestawra l-foresti essenzjali għas-sigurtà tal-ikel u r-reżistenza għall-emerġenza klimatika, wissa rapport riċenti tan-Nazzjonijiet Uniti. Aktar minn 489 miljun ettaru ta’ foresti ġew meqruda mill-1990 ‘l hawn, filwaqt li żona akbar hija degradata.

Ir-rapport dwar l-Istat tal-Foresti tad-Dinja filwaqt li jirrikonoxxi l-passi reċenti ‘l quddiem li saru fil-protezzjoni u t-tħawwil ta aktar siġar madwar id-dinja, iżda jgħid li l-azzjoni ma żammitx il-pass u r-ritmu mal-impenji.

Matul l-aħħar żewġ diċennji, inizjattivi nazzjonali, reġjonali u globali wiegħdu li jirrestawraw aktar minn biljun ettaru ta’ art, iżda bilkemm 20% minn dak il-livell qed jiġi restawrat, jinnota r-rapport mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU (FAO), li jgħid li “il-progress mhux uniformi, u mhux biżżejjed biex jissodisfa l-ħtiġijiet globali dejjem jikbru.”

Il-foresti, jkopru 4.14 il-biljun ettaru – madwar terz tal-wiċċ tad-Dinja – u jaħżnu 714-il biljun tunnellata ta’ karbonju u jospitaw sa 80% tal-bijodiversità tad-dinja. Għandhom ukoll irwol importanti fir-regolazzjoni tax-xita u allura fit-tnaqqis tal-ġuħ. Dan billi kważi terz tal-popolazzjoni tad-dinja tiddependi fuq il-foresti għall-għajxien tagħha.

Kull sena, madwar 127 miljun ettaru ta’ foresta jiġu affettwati minn nirien kbar bi ħsara addizzjonali kkawżata minn insetti, mard u fenomeni meteoroloġiċi estremi. Dan qed jagħmel il-foresti dejjem aktar vulnerabbli, peress li jżid mal-pressjoni li diġà teżisti minħabba l-espansjoni tal-biedja u l-agrikultura, il-kriżi klimatika, it-tniġġis u l-estrazzjoni ta’ fjuwils fossili u riżorsi oħra.

Id-distakk qed dejjem jikber bejn id-domanda u l-provvista sostenibbli u jixhed żbilanċ strutturali li jhedded kemm l-integrità ekoloġika kif ukoll il-vijabilita għat-tul ta’ żmien tal-ekonomiji bbażati fuq il-foresti, jgħid ir-rapport li jistqarr ukoll li azzjoni korrettiva dwar il-foresti u ekosistemi oħra degradati tkun ta’ benefiċċju għan-nies, għas-sigurtà tal-ikel u għall-ekonomija meta huwa stmat li r-restawr ta’ biljun ettaru jiġġenera benefiċċji li jiswew 1.8 triljun dollaru kull sena.

Ir-rapport tal-FAO jagħmilha ċara li r-restawr tal-foresti u tal-pajsaġġi huwa aktar minn prijorità ambjentali, u huwa investiment strateġiku f’sistemi agroalimentari reżiljenti u fl-iżvilupp rurali.

Iż-żmien disponibbli biex tittieħed azzjoni konkreta qed jonqos. Restawr li jittardja jew li jkun imfassal ħażin iżid l-ispejjeż fit-tul, jaggrava l-inugwaljanzi u joħloq ir-riskju li l-pajsaġġi jinqabdu f’ċirkustanzi mhux sostenibbli.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport