Monday, December 9, 2024

BIDLA B’KONSULTAZZJONI

Stefan Zrinzo Azzopardi
Stefan Zrinzo Azzopardi
Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali

Aqra wkoll

Is-sena li wasslet biex tintemm, kienet sena li fiha twettqu bidliet importanti fir-regolamenti marbuta mas-settur tal-kostruzzjoni. Bidliet li kienu jeħtieġu hidma estensiva u li seħħew wara li tkellimna mà kull min huwa involut. 

Bidliet li fissirna b’mod kontinwu l-oġġettivi li rridu nilħqu u anke dak li huwa meħtieġ li jsir biex dawn isiru bl-aħjar mod u tal-aqwa benefiċċju għal kulħadd. Dan huwa l-mudell li se nkomplu naddottaw fiż-żmien li ġej. 

Biex nistrutturaw b’mod aħjar il-konsultazzjoni kontinwa li jeħtieġ li ssir, waqqafna Kunsill Konsultattiv għall-Bini u l-Kostruzzjoni fi ħdan l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni. Dan il-Kunsill jirrappreżenta diversi entitajiet marbuta mà dan is-settur. Jirrappreżenta kemm lill-professjonisti kif wkoll operaturi f’dan is-settur flimkien mà entitajiet marbuta mal-edukazzjoni u t-taħriġ. 

Il-formola li se jkun qed juża dan il-Kunsill huwa li jidentifika issues li jeħtieġ li jiġu indirizzati,  issir konsultazzjoni dwar il-proposti li jkunu qed jiġu kkunsidrati u b’hekk l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni tingħata stampa tal-pożizzjonijiet varji  ħalli b’hekk id-deċizjonijiet jittieħdu bl-aktar mod infurmat. 

Il-gvern huwa determinat li jkompli bi pjan strutturat ta’ bidla fil-mod kif jigi regolat ix-xogħol ta’ kostruzzjoni. Imma din il-bidla trid issir b’mod li kull min hu involut ikun parti minn din il-bidla. Huwa essenzjali li min jopera f’dan is-settur ikun kontinwament infurmat bil-bidliet u mħejji bl-aħjar mod biex il-bidla sseħħ kif meħtieġ. 

Il-bidliet li se nkomplu nwettqu fis-sena l-ġdida se jibnu fuq dawk li wettaqna matul l-2023. Biddliet importanti li joffru bażi soda biex inwettqu t-tisħiħ regolatorju f’dan is-settur. L-oġġettivi għal din il-bidla li qed inwettqu huwa li fis-settur tal-kostruzzjoni jkollna aktar serjetà, aktar responsabiltà u kwalità ogħla. 

Issa li wettaqna bidla importanti bl-introduzzjoni tal-liċenzjar tal-kuntratturi, se nkomplu mexjin ‘l quddiem biex niżguraw li jkollna aktar persuni imħarrġa fuq il-lant tax-xogħol, ikun hemm għarfien akbar dwar sistemi aktar addattati kif għandu jsir ix-xogħol u fuq kollox li jkollna sistemi ta’ xogħol aktar siguri għall-ħaddiema. 

Din il-bidla trid issir permezz ta’ regolamenti aktar addattati għal żminijietna iżda mhux regolamenti aġġornati biss hemm bżonn. L-operaturi fis-settur iridu jkunu infurmati aktar dwar il-modi aġġornati kif għandhom isiru l-affarijiet. It-taħriġ huwa essenzjali f’din il-bidla important li qed titwettaq. 

Ma’ kull pass li se nagħmlu se jkollna konsultazzjoni wiesgħa dwar kull bidla li hija meħtieġa. L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni se tkompli tagħti aktar informazzjoni dwar dak li huwa meħtieġ li jsir u l-mod kif il-bidliet se jkunu qed jigu introdotti. 

Il-mod kif ħdimna matul is-sena 2023 se jkun mudell li fuqu se nkomplu inwettqu akar bidliet fiż-żmien li gej. Bidliet tant meħtieġa li jwasslu għal settur li jaħdem b’aktar serjetà, aktar responsabilità u kwalità ogħla. 

Nixtieq nieħu din l-opportunità biex nawgura Sena Ġdida mimlija riżq u saħħa lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Stefan Zrinzo Azzopardi – Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar

Ekonomija

Sport