Il-Gvern, wara r-reħba storika fl-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju, li fissret erba’ rebħiet wara xulxin għall-Partit Laburista, indika mill-ewwel x’se jkun il-programm ta’ ħidma tiegħu għal din il-leġiżlatura li għadha kif bdiet u li kien elenkat ukoll mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono. Ħidma li se tkun iffokata fuq l-implimentazzjoni ta’ dak kollu li l-Gvern wiegħed lill-poplu.
Dan irridu neħduh ukoll fil-kuntest ta’ elezzjonijiet oħra fejn il-Gvern Laburista mhux biss żamm ma’ dak li wiegħed imma saħansitra jekk inħarsu lura lejn il-manifest elettorali “Malta Flimkien”, naraw li l-Gvern wettaq mhux inqas minn 85% tal-wegħdiet li kien għamel. Dan jawgura tajjeb għat-twettiq tal-proposti fil-manifest Int Malta.
Waħda mill-ewwel miżuri fil-ħidma tal-Gvern se tolqot lill-persuni b’diżabilità. Fil-fatt, il-Gvern diġà ressaq l-Ewwel Qari tal-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ Att sabiex jemenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta u biex tiżdied id-diżabilità bħala karatteristika protetta u biex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni skont id-drittijiet u l-libertajiet fundalmentali tal-indivdwu garantiti mill-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Barra minn hekk, il-poplu issa għandu moħħu mistrieħ dwar il-provvista tal-LNG għall-powerstation, u dan grazzi għal ftehim ma’ waħda mill-akbar ditti internazzjonali fis-settur tal-enerġija, BP.
Dan ixejjen għalkollox ċertu argumenti ta’ min ipprova jitfa’ dubji f’dan ir-rigward. Filwaqt li dan il-ftehim se jeħodna sal-aħħar ta’ Mejju 2027, l-Enemalta diġà qed taħdem fuq arranġamenti li se jiżguraw il-kontinwità tal-provvista tal-LNG anke wara dik id-data.
Dan hu biss il-bidu ta’ mandat ġdid. Bidu li diġà bagħat sinjal ċar li dan il-Gvern se jkun qiegħed mill-ġdid iwettaq dak li jwiegħed.
Il-poplu għalhekk mill-ġdid reġa’ ta fiduċja b’saħħitha lill-Gvern Laburista għax jaf li mill-2013 ‘l hawn, dejjem wettaq aktar li kien hemm fil-Manifest elettorali u anke aktar minn hekk bħal fil-każ fiż-żieda taċ-children allowance fost oħrajn.

