Il-Ħadd li għadda, temmejt il-kummentarju tiegħi billi fakkartek f’kummentarju tiegħi f’din il-paġna fil-ħarġa tal-Ħadd 17 ta’ April 2022 li kien intitolat “Mażżri m’għonq il-Partit Nazzjonalista”. Kont semmejt lill-Avukat Jason Azzopardi, lill-Avukat Karol Aquilina, lil ħuh, in-Nutar Robert Aquilina u lil Manuel Delia. Kummentarju miktub fl-isfond tat-tielet telfa elettorali konsekuttiva li kien ġarrab il-Partit Nazzjonalista f’Marzu ta’ qabel.
F’dik l-Elezzjoni l-elettorat Nazzjonalista kien tajjar kompletament liż-żewġ Avukati, Jason Azzopardi u Karol Aquilina. It-tnejn kienu kkontestaw żewġ distretti. Jason Azzopardi kien ikkontesta fuq ir-Raba’ u d-Disa’ Distrett filwaqt li Karol Aquilina kien ikkontesta d-Disa’ u l-Għaxar Distrett. Finalment Karol Aquilina kien irnexxielu jikseb postu fil-Parlament b’riżultat ta’ Elezzjoni Każwali filwaqt li Jason Azzopardi lanqas minn dan il-proċess ma kien irnexxielu.
Fl-Elezzjoni Ġenerali tat-30 ta’ Mejju li għadda t-tnejn li huma ma kkontestawx. Hux għażla tagħhom jew imposta fuqhom jafuh huma. Jibqa’ l-fatt li l-elettorat Nazzjonalista ta’ erba’ distretti kien qalilhom LE u LE ċar u tond fl-elezzjoni ta’ Marzu 2022.
Fir-rigward tat-tnejn l-oħra, in-Nutar Robert Aquilina u Manuel Delia l-istorja hija differenti. Ma kienux Membri Parlamentari u ma kkontestawx l-Elezzjonijiet. Imma kienu u għadhom fost l-imħuħ, fost l-instigaturi, wara l-faxxa estremista tal-Partit Nazzjonalista, irrelevanti li jiċħdu dan. Kulħadd għajnejh f’wiċċu. Huma l-imħuħ wara l-għaqda Repubblika.
L-erba’ li huma kienu mażżri ewlenin m’għonq il-Partit Nazzjonalista. Għajr għal Jason Azzopardi, it-tlieta l-oħra żammew jew inżammew ftit lura waqt il-kampanja elettorali li għaddiet. Splodew mar-riżultat elettorali. In-negattività tagħhom inkredibbli. Ma nemminx u ma naqbilx ma’ dak li jgħidu huma. Mhux kwistjoni ta’ opinjoni politika. Lanqas m’hi kwistjoni ta’ libertà ta’ espressjoni. Mhumiex hekk għax inkredibbli l-mod li bih jippruvaw jinterpretaw ir-riżultat elettorali. Il-punt tat-tluq tagħhom huwa fallaċi: ma jridux jaċċettaw ir-riżultat. U minn ftit sigħat wara li tħabbar ir-riżultat elettorali bdew mill-ewwel jaraw x’jagħmlu biex jippruvaw jinstigaw u fl-opinjoni tiegħi jipprovokaw.
Ma nafx kif, jew aħjar ngħid ma nafx jekk il-Partit Nazzjonalista, partikolarment il-Kap, iridhomx verament ma’ djulu. Ċar daqs il-kristall il-messaġġ tal-poplu: dawk mażżra m’għonq il-Partit Nazzjonalista.
Personalment ninsab konvint li fil-fond ta’ qalbu Alex Borg MA JRIDHOMX ma’ djulu. Għax li ma kienx hekk ma kienx jinstab kompromess magħhom għal waqfien minn kitbithom tul il-kampanja elettorali. Ma dehrux b’nemes għal xahar sħiħ. U eżattament wara r-riżultat elettorali ħarġu mill-kanna qishom murtal tat-tmienja!
Imma mhux biss dawn. Magħhom kompla jiżdied it-toqol tal-mażżri.
Tista’ ma ssejjaħx mażżra m’għonq il-Partit Nazzjonalista lil Edwin Vassallo? Għad irrid nara bniedem ieħor konservattiv daqs Edwin Vassallo, li litteralment għadu jgħix fl-għerien fil-mod kif jitkellem. Hemm bżonn retorika dispreġjattiva biex tesprimi opinjoni? Possibbli li Edwin Vassallo ma jirrealizzax li b’dak il-mod ma wasal u ma jasal imkien? Possibbli ma jirrealizzax li kien l-elettorat Nazzjonalista li eliminah mix-xena politika? Ċertament li Edwin Vassallo ma jista’ jwaħħal f’ħadd aktar għall-eliminazzjoni politika tiegħu. Eliminah l-elettorat Nazzjonalista. Eliminah il-Partit Nazzjonalista.
U x’tista’ ssejjaħ lill-Avukat Edward Debono jekk mhux toqol massiċċ ieħor mal-mażżra m’għonq il-Partit Nazzjonalista? Toqol massiċċ li ma bediex mill-kumment mimli odju fil-kontront tal-Ministru Glenn Bedingfield. Nistiednek trabbi ftit stonku biex tittanta tisma’ l-mod li bih jesprimi ruħu fil-konfront ta’ KULL Laburist. Nassigurak li ma jridx ikollok stonku delikat wisq biex l-Avukat Edward Debono jwasslek tirremetti. Tirremetti mhux bil-mod li jirremetti hu, imma għax l-istonku ma jkunx jiflaħ iġerrħu aktar. Iva possibbli li Gvernijiet Laburisti m’għamlu XEJN tajjeb mis-sena 2013 ‘il hawn? Kollox, kollox, kollox ħażin? Għax allura jekk hu minnu dak li jirremetti l-Avukat Edward Debono, allura l-pajjiż kif baqa’ għaddej? Kif kompla jogħla l-livell ta’ għajxien? Kif hija problema għal min iħaddem għax ma jistax isib ħaddiema?
Toqol ieħor massiċċ li jkompli jimmażżra lill-Partit Nazzjonalista huwa l-kontribut li jagħmel fuq diversi mezzi tal-midja l-Professur tal-Kirurġija Kevin Cassar. Ngħid għalija kitbietu aktar ma naqraha aktar nistmerrha. Nagħmel hekk għax fil-maġġor parti tagħha tkun immirata lejn l-individwu u mhux lejn dak li jkun suppost għamel.
Nimmaġinak tistaqsini: La qed tgħid dan kollu allura għaliex taqra, u tisma’ dak li jgħidu nies bħal dawn? Għaliex ma tinjorahomx?
Inwieġbek dritt: Għax kif tista’ togħqod attent għal min ikun lest jiżbranak jekk ma tkunx taf min hu? Anzi. Mhux talli naqrahom talli nappella sinċerament lill-Kabinett kollu tal-Ministri biex anke huma jaqraw lil dawn il-korrispondenti. Għeżież Ministri, aqrawhom lil dawn in-nies, biex tkunu tafu x’hemm lest għal KULL Laburist jekk talin bħal dawn jaħslu jkollhom farka poter.
Huwa għalhekk li verament ninfiska meta nara Laburist trattat ħażin taħt Gvern Laburista. Huwa għalhekk li ninkedd nara daqstant astensjonijiet bħalma kellna fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ Mejju li għadda. Huwa għalhekk li demmi jsir ilma meta nara daqstant voti invalidi bħalma kellna fl-istess elezzjoni. Għax konvintissimu li l-maġġoranza assoluta ta’ dawk l-astensjonijiet, ta’ dawk il-voti invalidi huma ta’ ċittadini bi twemmin Laburista.
Għadna fil-ħin li nirrimedjaw għall-ħsara li saret. Minn qalbi nappella: tħallux ir-riżultat sabiħ li kellna, sabiħ kemm hu sabiħ, jiżvijjakom. L-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali mhux bogħod daqskemm wieħed jaħseb.

