Friday, April 26, 2024

Bidu ta’ 10 snin għal xjuħija aħjar

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda ddikjarat 10 snin (2021-2030) ta’ Xjuħija Sana u talbet lill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) biex timplimentah. Minn din is-sena bdiet ħidma ta’ kollaborazzjoni globali li tgħaqqad gvernijiet, soċjetajiet ċivili, aġenziji internazzjonali, professjonisti, akkademiċi, il-midja u s-settur privat għal azzjoni kkonċentrata biex titwal il-ħajja u ssir aktar sana għall-popli kollha ta’ madwar id-dinja.

Id-“Decade of Healthy Ageing” għandu miri li jibbilanċjaw l-aċċess ta’ saħħa u jtejjeb il-ħajja tal-anzjani, tal-familji tagħhom u tal-komunitajiet b’ħidma kollettiva li tikkonċentra fuq erba’ binarji. Dawn huma – 

* Inbiddlu l-mod kif naħsbu u nieħdu azzjoni dwar l-avvanz fl-età; 

* Niżviluppaw komunitajiet b’mod li jħaddnu l-abbiltajiet tal-persuni avvanzati fl-età; 

* Nipprovdu servizzi tas-saħħa u kura effiċjenti għall-anzjani; u

* Nipprovdu aċċess ta’ kwalità  ta’ kura fit-tul għall-persuni avvanzati fl-età.

In-nies qegħdin jgħixu ħajja itwal u d-WHO qiegħda tipproġetta li sas-sena 2030 persuna minn kull sitta se jkollha 60 sena jew aktar. F’dawn iż-żminijiet il-popolazzjoni tal-persuni li jkollhom aktar minn 60 sena, minn biljun fl-2020 se tiżdied għal 1.4 biljun. Mentri, sal-2050 din mistennija tirdoppja (2.1 biljun). In-numru tal-persuni bl-età ta’ 80 sena ‘l fuq bejn l-2020 u l-2050 mistennija titrippla u tilħaq total ta’ 426 miljun anzjani.

Mil-lat bijoloġiku, l-avvanz fl-età jikkawża sfidi ta’ saħħa u mard kroniku. Id-WHO tgħid li x-xjuħija tiġi mill-impatt ta’ akkumulazzjoni ta’ varjetà ta’ ħsara molekulari u ċellolari li sseħħ tul is-snin. Dan iwassal għal “nuqqas gradwali fil-kapaċitajiet fiżiċi u mentali, żieda fir-riskju ta’ mard u eventwalment mewt”.

Fil-lista, li telenka kundizzjonijiet komuni assoċjati mal-avvanz fl-età tal-bniedem, hemm in-nuqqas fis-smigħ, kataretti, uġigħ fid-dar u l-għonq, artrite, mard kroniku fil-pulmun, dijabete, dipressjoni u dimentia. Jingħad ukoll li hekk kif il-bniedem jixjieħ, huwa aktar possibbli li jibda jbati minn diversi kundizzjonijiet f’daqqa.

Fid-dokument tad-WHO jingħad li evidenza turi li l-persentaġġ ta’ persuni b’saħħa tajba baqgħet kostanti u għaldaqstant l-istess data timplika li s-snin żejda fil-ħajja tal-bniedem huma b’nuqqas ta’ saħħa fiżika tajba. “Jekk dawn is-snin żejda huma ddominati minn nuqqas fil-kapaċitajiet fiżiċi u mentali l-implikazzjonijiet għall-anzjani u għas-soċjetà huma aktar negattivi,” sostniet id-WHO.

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tisħaq li hemm differenza bejn persuna u oħra. Dan minħabba l-ġenetika, il-fatturi ambjentali u dawk soċjali. Dawn il-fatturi jaffettwaw il-mod kif nixjieħu u hawn jidħol ix-xogħol ta’ David Sinclair u xjenzati oħra fis-settur tal-iżvilupp u l-istudji tal-ġenetika umana.

Ara x’qal il-Professur tal-ġenetika David Sinclair dwar dan is-suġġett. Fi kliemu: “Ix-xjuħija hija marda u se jkollna tilqima għaliha”

Sport