Monday, December 9, 2024

Bidu tajjeb għal Gladiator II 

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

“Gladiator II” iddebutta b’dħul ta’ $87 miljun mit-63 pajjiż fejn ħareġ għall-wiri.  Dan meta għadu ma bediex jintwera fl-Istati Uniti li mistenni jiddebutta nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Novembru.

Għad-direttur Ridley Scott, dan hu l-aqwa debutt li kellu.  Sal-lum, il-film ta’ Scott li kellu l-akbar success kien “The Martian” (li b’kollox kellu dħul ta’ $630 miljun) u warajh “Gladiator” ($465 miljun).

Sadanittant, il-film komiku “Red One” li fih Dwayne Johnson jidher fil-parti tal-kap tas-sigurta ta’ Santa Klaws temm ir-renju ta’ “Venom: The Last Dance” fil-box office Amerikana.  Bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd, il-film ta’ Dwayne Johnson kellu dħul ta’ ftit aktar minn $34 miljun.

Li titla’ tokkipa l-post ta’ fuq nett fil-box office Amerikana hu suċċess fih innifsu.  Iżda għall-film li sewa $250 miljun biex inħadem, il-kumpanija mhux daqstant ferħana b’dan id-dħul.  Mis-75 pajjiż ieħor fejn diġa ħarġ għall-wiri, dan il-film kellu dħul ta’ $14.7 miljun.

Fil-pożizzjonijiet l-oħra ta’ fuq fil-box office Amerikana, wieħed isib is-sequel “Venom: The Last Dance”; film komiku ieħor b’ġrajja marbuta ma’ dan iż-żmien “The Best Christmas Pageant Ever”; il-film tal-biża’ “Heretic”; u fil-ħames post il-film animat “The Wild Robot”.

Wicked

Wieħed mill-aqwa xogħlijiet mużikali kontemporanji hu ‘Wicked’.  Iddebutta f’Broadway fl-2003.  Għaxar snin wara, id-dħul qabeż il-biljun dollar.  Fl-2017 sar it-tieni l-aktar musical bl-akbar dħul, wara ‘The Lion King’.  Anke fil-West End ta’ Londra, ‘Wicked’ kellu success enormi.

Dan il-musical hu ispirat mir-rumanz ta’ Gregory Maguire, ippubblikat fl-1995, ‘Wicked: The Life And Times of the Wicked Witch of the West’.  Dan il-ktieb hu imbagħad imnebbaħ mill-fmuż rumanz ta’ L. Frank Baum, ‘The Wonderful Wizard of Oz’ li kien ippubblikat fl-1900, li minnu ħareġ il-film immortali “The Wizard of Oz” tal-1939.

“Wicked” hu maħdum taħt id-direzzjoni ta’ John M. Chu u ser ikun maqsum fuq żewġ partijiet.  It-tieni parti ser narawha fit-teatri bħal daż-żmien sena.

In-narrattiva hi rakkuntata mill-perspettiva ta’ żewġ sħaħar, Elphaba u Galinda.  Huma jiltaqgħu bħala studenti meta jkunu jattendu l-Università Shiz.  L-istorja tesplora l-ħbiberija kumplessa ta’ bejniethom.  Wara l-laqgħa tagħhom mal-Wondeful Wizard, din il-ħbiberija issib ruħha f’salib it-toroq u ħajjithom jieħdu rotot opposti.

Fil-parti ta’ Elphaba, l-mara żagħżugħa li jkollha karnaġjon aħdar, naraw lil Cynthia Erivo.  Ariana Grande tidher fil-parti tal-mara popolari Galinda.  Jeff Goldblum jinterprita l-parti ta’ Wonderful Wizard of Oz.  Michelle Yeoh narawha bħalha Madame Morrible, il-kap tal-Università Shiz.

Film mibni fuq il-fantasija jiddependi bis-sħiħ fuq i-settijiet li jinħolqu u huma tajba.  Żgur jolqtuk il-kostumi.  Responsabbli mid-disinn ta’ dawn il-kostumi hu Paul Tazwell, isem magħruf sew, speċjalment ma’ dawk li jiffrekwentaw ix-xhows ta’ Broadway.  Kemm għad-disinn tal-produzzjoni, kif ukoll għad-disinn tal-kostumi jista’ jkun innominat għall-Oscars f’dawn il-kategoriji.  Biċ-ċans ukoll li jkun innominat għall-aħjar film, filwaqt li Ariana Grande għandha ċans tkun innominata fil-kategorija għall-aħjar attriċi f’parti sekondarja.

“Wicked” hu kklassifikat PG minħabba xeni li fihom theddid u diskriminazzjoni.

Heretic

Mill-Istati Uniti joħorġu diversi films b’tema reliġjuża.  Il-film tal-biża’ “Heretic” hu eżattament l-oppost.  Naħsbu li l-akbar ħaġa xokkanti f’dan il-film hi l-preżenza ta’ Hugh Grant fil-parti ta’ wieħed estrem kif jaħsibha dwar ir-reliġjonijiet, tant li jonsob żewġ missjunarji jidħlu fid-dar tiegħu u jittormenthom sabiex jiċħdu t-twemmin tagħhom.

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Scott Beck u Bryan Woods, il-missjonarji huma is-sorijiet Paxton u Barnes.  F’dawn il-partijiet jidhru Chloe East u Sophie Thatcher.  Hugh Grant għandu l-parti ta’ Mr Reed.

“Heretic” hu kklassifikat 15 minħabba xeni ta’ vjolenza, theddid, xeni mdemmija u referenzi għas-sess.

The Best Christmas Pageant Ever

Dan hu wieħed mill-films marbuta ma’ dan iż-żmien sabiħ tas-sena u minhom ikollna mhux ħażin.  

Fiċ-ċentru tan-narrattiva għandna sitt it-tfal li għandhom il-fama li huma “assolutament l-agħar tfal fl-istorja tad-dinja”.  Imma propju f’dan il-Milied, huma ser jieħdu f’idejhom il-paġeant tal-Milied li jsir fil-knisja ta’ dan il-lokal.  Ir-riżultat hu ħafna differenti minn dak li ħafna ħasbu.

Id-direttur ta’ dan il-film hu Dallas Jenkins. 

“The Best Christmas Pageant Ever” hu kklassifikat PG minħabba n-natura tat-tema u xena qasira ta’ tipjip minn tfal.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport