Monday, December 9, 2024

Żieda fil-frekwenza ta’ ċertu rotot tal-linja mill-1 ta’ Diċembru

Aqra wkoll

“Nemmen li hemm bżonn ta’ żieda fil-frekwenza ta’ ċertu rotot. Mill-1 ta’ Diċembru li ġej, se jkollna frekwenza aktar għolja f’rotta 90 li twassal għal Fgura u Ħaż-Żabbar, rotta 47 li tindirizza ż-żieda fid-domanda tal-Mosta u se jiġu estiżi r-rotot 101, 103 u 80 li jagħtu għal Mellieħa, Burmarrad u l-Qajjenza.”


Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett waqt li kienu qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji tal-Ministeru tiegħu fejn tkellem fost l-oħrajn dwar il-proposti li ressaq il-Gvern għal immaniġġjar aħjar tat-traffiku.
Dawn il-proposti jħarsu lejn ekonomija moderna ta’ 24 siegħa kuljum, faċilitajiet għall-parkeġġ, inċentivi biex jitnaqqas l-użu tal-karozzi, it-trasport pubbliku, kordinazzjoni aħjar ta’ xogħlijiet infrastrutturali fit-toroq u l-kunċett ta’ mobilità sostenibbli.
Il-Ministru Bonett beda biex spjega li se jkunu qegħdin iħeġġu ċertu setturi sabiex joperaw b’mod aktar flessibbli u jxerrdu l-attività ekonomika fuq medda aktar wiesgħa ta’ ħin.

“Qed nitkellmu mill-qrib ma’ diversi setturi ekonomiċi nkluż dawk tar-retail, il-manifattura, l-ospitalità u l-kostruzzjoni sabiex nifirxu fuq aktar ħin l-użu ta’ ċertu vetturi fit-toroq tagħna,” qal il-Ministru Bonett. “Irridu nibdew aħna stess bħala Gvern li nagħtu l-eżempju. Irridu narawa li s-servizzi tagħna f’dawk il-ħinijiet kemm jista’ jkun ma jsirux… il-ġbir tal-iskart, it-tindif ta’ toroq, xogħol ta’ żebgħa fis-sinjali tat-toroq u servizzi pubbliċi li jibdew joperaw barra l-ħinijiet tipiċi.”

Il-Ministru Bonett stqarr li din hija waħda mill-aktar miżuri ambizzjużi li qed iressqu quddiem il-poplu iżda esprima t-twemmin tiegħu li bil-kollaborazzjoi ta’ kulħadd naslu wkoll.

Dwar il-proposti relatati mal-użu tal-vetturi privati, huwa semma kif il-Gvern qed jevalwa miżura li tagħti xi tip ta’ inċentiv monetarju lil dawk li jagħżlu li jagħtu lura l-liċenzja tas-sewqan tagħhom.

Enfasizza li: “Nistgħu nħarsu lejn sistema li dak li jkun ma jużax il-karozza b’mod regolari. Qed niddiskutu wkoll inċentivi biex ninkoraġġixu lil kumpaniji li jagħmlu xi forma ta’ employee transportation”.

Intant, il-Ministeru qed jaħdem ukoll fuq sett ta’ inizjattivi ta’ parkeġġ fil-periferiji ta’ ċertu bliet u rħula b’shuttle bus service li jkun jista’ jgħaqqad lin-nies direttament mal-lokalitajiet urbani mingħajr il-ħtieġa ta’ parkeġġ fil-qalba ta’ dak ir-raħal.

“Qed nimmiraw li noħolqu parkeġġi għar-residenti f’dawn iż-żoni u f’ċertu pjazez nillimitaw il-ħin li tista’ tgħaddi bil-karozza minnhom. Qed naħdmu fuq soluzzjoni għal użu aktar effettiv għal spazji ta’ parkeġġi diġà eżistenti. Bi ftehim ma’ skejjel biex wara ħinijiet ta’ skejjel jinfetħu għal pubbliku.”

Il-Ministru Bonett tkellem ukoll dwar l-investiment kontinwu u t-titjib fil-kwalità tat-trasport pubbliku. Minbarra s-sussidju biex dan is-servizz ġie b’xejn għal kulħadd, minn Ottubru tas-sena li għaddiet lil hawn żdiedu 85 vettura oħra sabiex issa l-flotta tal-karozzi tal-linja qabżet il-500 xarabank.

“Din is-sena qed nistennew li jkollna aktar minn 70 miljun vjaġġ li sar b’tal-linja. Irridu nagħmlu analiżi dwar jekk it-toroq li tgħaddi minnhom tal-linja bħalissa humiex qed jolqtu l-aktar faxxa wiesgħa ta’ nies possibbli. L-aħħar reviżjoni tat-toroq li saret fil-pajjiż saret fl-2014.

“Fil-viċin se jkollna aktar rotot dedikati għal industrial estates biex naraw aktar ħaddiema jagħmlu użu mit-trasport pubbliku,” tenna l-Ministru Bonett. Huwa enfasizza wkoll l-impenn tal-Gvern li jippromwovi mezzi alternattivi ta’ trasport bħal karozzi elettriċi, mixi u ċikliżmu

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport