Monday, December 9, 2024

IS-SAĦĦA FIŻIKA U MENTALI KRUĊJALI GĦALL-ĦADDIEMA

Aqra wkoll

Il-ħarsien tas-saħħa fiżika u dik mentali huma parti minn kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin. Għalhekk huwa kruċjali li l-ħaddiem jieqaf għal ftit ħin mix-xogħol li jkun qed jagħmel biex jistrieħ fiżikament u anke jserraħ il-menti tiegħu. Mumenti li fil-fehma tagħna għandhom jagħmlu parti mill-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiem.

Il-fatt li t-teknoloġija qiegħda tikber b’ritmu mgħaġġel qed iġġiegħel ħafna ħaddiema li jqattgħu ħin twil fl-uffiċċju wara l-kompjuter. Dan qed iseħħ ukoll f’bosta oqsma oħra tal-industrija.

Huwa għalhekk importanti li wieħed għandu jieqaf għal xi ħin matul il-ġurnata tax-xogħol tiegħu minn dak li jkun qed jagħmel. Dak il-ħin tal-brejk jew pawżi, għalkemm jidhru li huma qosra, ikunu ta’ benefiċċju kbir għas-saħħa tal-individwu.

Studji wrew li dawn il-brejks jew pawżi qosra jistgħu jtejbu l-kapaċità tal-ħaddiema biex jikkonċentraw aktar, ibiddlu l-mod kif jaraw ix-xogħol tagħhom u anke jgħinuhom jevitaw xi inċidenti.

F’bosta postijiet tax-xogħol, l-unika waqfa uffiċjali tal-ħaddiema hi ġeneralment biss waqt il-ħin ta’ nofsinhar għalkemm xi kumpaniji jipprovdu xi brejks qosra oħra matul il-ġurnata tax-xogħol. B’dawn il-pawżi jew brejks, ħafna drabi huma mnaqqxa fil-ftehim kollettiv li jsir bejn ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u min iħaddem. Dan juri wkoll li l-ftehim kollettiv mhuwiex biss dwar pagi u pakketti finanzjarji imma wkoll fuq il-kwalità tal-ħin li ħaddiem iqatta’ fuq il-post tax-xogħol.

Sfortunatament iżda dawn il-kundizzjonijiet ma ssibhomx f’postijiet tax-xogħol fejn il-ħaddiema mhumiex organizzati fi trejdunjin. U minn hawn joħroġ il-valur tas-sħubija fi trejdunjin, li fost l-għanijiet tagħha hemm li ttejjeb il-kundizzjonijiet kollha tal-ħaddiema.

Għalhekk nemmnu li meta jiġu aġġornati l-Wage Regulation Orders, għandhom jagħtu każ ukoll il-ħinijiet tal-brejks billi dawn jibqgħu jkunu fost id-drittijiet tal-ħaddiema. Qed ngħidu dan għaliex filwaqt li nifhmu li t-teknoloġija ħaffet ħafna mill-piżijiet tax-xogħol, b’danakollu ħolqot ukoll problemi fejn il-kuntatt personali bejn il-ħaddiema qed jonqos, aktar u aktar meta ħaddiema qed ikunu mitluba jaħdmu mid-dar.

Naqblu wkoll mal-flessibilità tax-xogħol u anke mal-job sharing għaliex dawn ikunu ta’ għajnuna biex il-ħaddiem jaqta’ xi ftit mill-post tax-xogħol tiegħu.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport