Friday, December 13, 2024

BIEX MA NINSEWX L-ANZJANI

Aqra wkoll

Is-Swieqi fejn ngħix huwa wieħed minn dawk l-inħawi f’pajjiżna li kiber b’mod ta’ blokok ta’ bini ħdejn xulxin bi ftit li xejn sens ta’ komunita’. Ftit għandna fejn niltaqgħu flimkien u naqsmu ħin flimkien. Hawn ħafna anzjani bla familja u bla ħbieb u jħossuhom waħedhom, l-iżjed ir-romol. 

Is-solitudni tolqot ħazin lil saħħitna, kemm mentali u anki fiżika. Ta’ min jgħid grazzi lil dawk li jorganizzaw żjarat, attivitajiet u okkażjonijiet fejn jieħdu sehem fihom l-anzjani li jħossuhom abbandunati u mwarrba, mhux biss fid-djar tagħhom imma anki fejn jgħixu. 

L-anzjani jilmentaw li huma abbandunati:

– bankini perikolużi għalihom nieqsa minn poġġaman fejn ikollhom ma’ xhiex iserrħu huma għan-niżla u t-telgħa

– nuqqas ta’ bereġ qrib f’lokalitajiet kbar

– tbatija biex isarrfu ċ-ċekkijiet għax ħafna fergħat ta’ banek għalqu

– nuqqas ta’ ħarsien mill-ispekulaturi tal-bini li jintimidawhom biex jitilqu mill-bini

– bla liftijiet f’appartamenti għoljin u tbatija kbira biex jitilgħu u jinżlu t-turġien ta’ sulari u huma priġunieri f’darhom. 

Tajjeb li l-kunsilli lokali u l-gvern jaħdmu flimkien fejn hemm dawn il-bżonnijiet biex l-anzjani jgħixu ahjar. 

Kulħadd għandu xi jxomm …

Il-kumitat parlamentari ta’ kontra l-korruzzjoni fir-Renju Unit magħmul mill-partiti kollha x-xahar li għadda ħareġ manifest kontra l-kriminalita` ekonomika u biex Londra, ir-Renju Unit u t-territorji li għad għandha fid-dinja, ma jibqgħux jintużaw biex nies sinjuri kbar mid-dinja kollha jaħbu u jaħslu l-flus maħmuġin tagħhom ġejjin mill-korruzzjoni u negozju llegali ta’ kull tip.

Tant hemm abbuż mis-sistemi finanzjarji tar-Renju Unit li l-ekonomija Brittanika kull sena hija stmata li titlef 290 biljun sterlina kull sena. Il-kumitat parlamentari tal-partiti kollha fil-House of Commons jgħid li mhux l-oligarki Russi biss iżda wkoll traffikanti tad-drogi, tan-nies u tal-armi kif ukoll kriminali oħra jużaw ir-Renju Unit biex jaħbu u jaħslu l-flus maħmuġin tagħhom ġejjin minn attivita` ekonomika kriminali. Il-kumitat jgħid li kemm il-gvern Konservattiv kif ukoll dak Laburist tul is-snin illaxkaw ħafna r-regoli u ħallew tinbena industrija sħiħa ta’ accountants, avukati, bankiera, konsulenti … biex jgħinu kriminali mid-dinja kollha jużaw ir-Renju Unit biex jaħbu u jahslu l-flus maħmuġin tagħhom.

Il-kumitat irid li jittiehdu passi importanti biex dan l-abbuż kbir jieqaf għax qed jhedded id-demokrazija fir-Renju Unit, iħassar il-politika u jherri l-ekonomija nadifa u serja.

Tajjeb li l-pajjiżi kbar bħall-Istati Uniti u r-Renju Unit jagħrfu n-nuqqasijiet tagħhom u jieħdu l-passi meħtieġa biex jirranġawhom. Hekk jibdew imexxu bl-eżempju flok jibqgħu jippriedkaw lil ħaddiehor bħalna biex nagħmlu dak li ma jagħmlux huma. S’issa qed jagħmlu bil-maqlub ta’ dak li jgħidu lilna u pajjiżi oħra biex jagħmlu. Kieku l-pajjiżi l-kbar u b’saħħithom jiġu stmati bħalma jiġu stmati pajjiżi żgħar bħalna, kieku l-Istati Uniti u r-Renju Unit u oħrajn ilhom jiġu grey-listed. Fost il-pajjiżi li l-iżjed hemm li għandhom x’jagħmlu biex ma jħallux il-flus maħmuġin jinħaslu fis-sistemi tagħhom ta’ taxxi, propjeta`, kumpaniji sigrieti huma l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Italja u l-Ġappun.

Mhix konsolazzjoni għalina naraw din l-ipokreżija u lanqas skuża biex la jgerfxu u jħawdu l-kbar, aħna ż-żgħar għandna nagħmlu l-istess.

Mhux fl-interess tagħna li nintużaw mill-kriminali ekonomiċi lokali u barranin. Imma tajjeb li dawk (Maltin u barranin) li jattakkawna l-ħin kollu u jpenġuna bħala l-agħar infern maħmuġ fid-dinja, jkollhom ftit deċenza u sens ta’ proporzjon jagħtu ħarsa mad-dinja kollha biex jaraw li l-ebda pajjiż m’hu ġenna tal-art b’xi dritt divin jippriedka lill-pajjiżi oħra l-virtujiet li huwa stess jikser.

Photo Caption : Tajjeb li l-kunsilli lokali u l-gvern jaħdmu flimkien biex fejn hemm ċertu bżonnijiet biex l-anzjani jgħixu ahjar. 

Il-kumitat parlamentari ta’ kontra l-korruzzjoni fir-Renju Unit ix-xahar li għadda ħareġ manifest kontra l-kriminalita` ekonomika u biex Londra, ir-Renju Unit u t-territorji li għad għandha, ma jibqgħux jintużaw biex nies sinjuri mid-dinja kollha jaħbu u jaħslu l-flus maħmuġin tagħhom. 

Ekonomija

Sport