Wednesday, February 5, 2025

Biex tirnexxu fil-futbol u f’kull karriera oħra, tridu tkunu lesti tagħmlu s-sagriffiċji meħtieġa – Xavier Saliba

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Tista’ tgħid li l-imħabba tiegħi lejn il-futbol kienet minn dejjem. Minn żgħir kont dejjem nilgħab bil-ballun kullimkien, id-dar, il-bandli, fil-pitch tal-boċċi, fuq iz-zuntier tal-knisja, fit-triq, l-iskola, f’xi għelieqi, il-grawnd tal-futball u lanqas nieqaf insemmi. F’kelma waħda konna nittrasformaw kull fejn inkunu fi grawnd tal-futbol! Tista’ tgħid li apparti li nilagħbu kont inħobb narah u nisimgħu ukoll … dak iż-żmien ma kienx hawn il-faċilitá tal-lum biex tara logħba u ħafna drabi kont tispiċċa tismagħha fuq ir-radju!

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ ta’ San Ġwann FC.

L-esperjenza tiegħi bħala kowċ mal-klabb ta’ San Ġwann hija wahda li se tibqa ġo qalbi għal dejjem! Bdiet fl-2016 fin-nursery tal-klabb fejn kelli t-tfal tal-Under 8 biex imbagħad fl-2019 kont maħtur bħala assistant coach tat-tim tal-kbar u anke kowċ tal-Under 21. F’ Jannar tal-2023 kont maħtur bħala ‘head coach’ tat-tim tal-kbar. Din kienet ħolma li saret realtá għalija. San Ġwann huwa raħal twelidi u meta kont żgħir u anke ġuvni kont immur nara l-logħob ta San Ġwann FC sa minn żmien il-grawnd ta’ Pace Grasso … li nkun il-kowċ tat-tim ta’ raħal twelidi, għalija huwa ta’ sodisfazzjon kbir!

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?

Għalkemm kellna bidu ta’ staġun kemmxejn diffiċli għall-fatt li lgħabna l-ewwel tliet logħbiet tal-kampjonat bla plejers barranin, ninsab sodisfatt ħafna bl-andament tal-kampjonat s’issa! Bħalissa qegħdin f’mument tajjeb ta’ 11-il logħba bla telfa, fejn fihom ksibna disa’ rebħiet u żewġ riżultati ta’ draw. Apparti r-riżultati miksuba, ninsab sodisfatt ħafna bill-grupp ta’ plejers li għandna u bl-għaqda li hemm bejniethom!

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

It-tragward primarju tagħna kien dak li niġu mal-ewwel sitta. Issa li dan it-tragward ġie milħuq, l-objettiv huwa dak li s-seba’ logħbiet li ġejjin neħduhom logħba wara logħba u jekk ikun hemm iċ-ċans li niġu promossi neħduh! 

Kif tqis il livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-futbol Malti għaddej minn transizzjoni fil-mument … transizzjoni li ilha għaddejja naqra mhux ħażin. Dan kollu qed isir biex jitjieb il-livell tal-futbol lokali kemm fuq livell ta’ klabbs u anke fuq dak tan-Nazzjonal. Nemmen li matul iż-żmien l-għarfien tal-logħba kiber drastikament u l-istrutturi fejn jidħol staff tekniku kiber ukoll. Bħala livell ta’ plejers dejjem ikun hawn min jgħid li qabel kienu aħjar u bil-kontra, biss peró li hu żgur hu li l-logħba nnifisha nbidlet allura ċerti paraguni jkunu diffiċli biex isiru!

Jekk ikolli nawgura xi ħaġa li ma tibqax issir daqshekk ta’ spiss hija r-riformi tal-kampjonati lokali għax sar wisq tibdil fl-aħħar snin, fl-opinjoni tiegħi! 

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Din hija waħda mill-ikbar problemi li għandna f’dan il-pajjiż! Jien se nġib l-eżempju bina stess … aħna nittrenjaw tliet darbiet minn ħamsa f’nofs grawnd u l-grawnd tagħna kollu minnu nnifsu diġá huwa żgħir bħala daqs. Min-naħa l-oħra, fejn jidħol dak kollu li hemm mal-madwar imbagħad għandna riżorsi tajbin ħafna li hawn klabbs stabbiliti li m’għandhomx ! 

Rigward il-grawnds li nilagħbu l-logħob tal-kampjonat fihom bejn grawnd u ieħor hemm naqra ta’ differenzi mhux ħażin. Hemm differenzi kemm strutturali kif ukoll bħala qisien tal-‘pitches’ infushom! Bħal kollox ċerti grawnds għandhom bżonn titjib (‘upgrade’) fl-istruttura tagħhom, avolja bħala artijiet (il-ħaxix artifiċjali) qegħdin f’livell tajjeb.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Nixtieq nibqa’ nikber kemm bħala kowċ u kif ukoll bħala raġel! Naf li biex dan isir hemm ħafna sagrifiċċji xi jsiru u jien lest li nagħmilhom, dejjem bl-għajnuna tal-familja tiegħi li jissapportjani kontinwament! Irrid inkompli nitjieb fuq livell edukattiv billi nagħmel il-korsijiet tal-kowċing meħtieġa u naġġorna ruħi kontinwament, imbagħad il-futur Alla biss jafu! 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Messaġġ importanti li nixtieq ngħaddi huwa l-istess messaġġ li ngħaddi liż-żgħażagħ tagħna: Biex tirnexxu fil-futbol u f’kull karriera oħra, tridu tkunu lesti tagħmlu s-sagriffiċji meħtieġa! Tridu tkunu sodi biex mal-ewwel intoppi ma tarmux ix-xugaman imma ixxammru l-kmiem ħa tkomplu taħdmu!

Oħorġu mill-‘comfort zones’ li qegħdin fihom għax xejn ma jiġi waħdu fil-ħajja … it-taraġ tridu titilgħuh tarġa tarġa, għax finalment b’ħafna xogħol u bi ftit xorti dejjem tiġi ppremjat fil-ħajja!Biex tirnexxu fil-futbol u f’kull karriera oħra, tridu tkunu lesti tagħmlu s-sagriffiċji meħtieġa – Xavier Saliba

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport