Thursday, December 26, 2024

Bil-Covid-19 żdiedet il-vjolenza mit-tfal fuq ġenituri

Aqra wkoll

“Sirt nibża minn binti, theddid kontinwu”

Minn Victor Vella

“Sirt nibża minn binti. Illum fiha tifla u se tagħlaq l-għoxrin sena. Fl-aħħar xhur,  din it-tifla bdiet tuża vjolenza fuqi. Kemm il-darba sfurzatni f’xi kantuniera. Mhux l-ewwel darba li refgħet idejha fuqi.  Mindu ingħalaqna fi djarna, fejn anki llum ma tantx qed noħorġu, is-sitwazzjoni kompliet tmur għall-agħar.  It-theddid  dejjem qed isir aktar aggressiv. Ħfirtilha kemm il-darba. Ġieli nibda naħseb li din il-vjolenza se tieqaf għax ikun hemm ġranet trankwilli imma imbagħad f’daqqa waħda, nerġa’ ngħaddi mill-istess esperjenza. Ġieli tkun f’sitwazzjoni fejn lanqas tista’ tkellimha għax tiżbel. Tinfexx issawwat.  Kemm se ndum nissapporti? Jgħidulek irrapporta. Se nirrapporta lil binti?”.

Quddiem din l-esperjenza ta’ omm, Inewsmalta tkellmet ma’ ħaddiema soċjali u anke ma’ l-Agenzija Appogg fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali. Dawn ikkonfermaw li bil-Covid19 b’mod partikolari l-miżuri li kienu ttieħdu fl-aħħar xhur u ġimgħat, 1ed iwasslu għal żieda f’dik li hi vjolenza mit-tfal fuq il-ġenituri.

Ħaddiema soċjali li tkellmet ma’ Inewsmalta qaltilna li f’Malta sa issa m’hawnx riċerka biex wieħed jifhem aħjar dan il-fenomenu kif qed jiżviluppa. “Li nistgħu ngħidu imma mill-esperjenza tagħna fl-aħħar xhur u ġimgħat, hu dak li kien hemm żieda fl-ammont ta’ ġenituri li talbu għajnuna minħabba vjolenza minn uliedhom.  Hemm diversi raġuniiet għaliex iseħħ dan. Pajjiżi barranin ukoll qed jesperjenzaw dan u anke hemm studji li juru li l-miżuri restrittivi li ttieħdu minħabba l-Covid19, wasslu għal żieda f’dik li hi vjolenza minn tfal  fuq il-ġenituri.”

L-Aġenzija Appoġġ qaltilna li “meta nitkellmu dwar Child to Parent Violence inkunu qed nirreferu għal sitwazzjonijiet fejn tfal, adoloxxenti jew żgħażagħ jkunu abbużivi jew vjolenti lejn il-ġenituri tagħhom jew dawk li jieħdu ħsiebhom. Tajjeb ukoll li wieħed jiftakar li Child to Parent Violence huwa fenomenu li jifforma parti minn dik li nsejħulha vjolenza domestika. Għaldaqstant, meta nitkellmu fuq CPV nkunu qed nitkellmu dwar forma ħra ta’ vjolenza domestika.  Dan sabiex nagħmlu differenza bejn adoloxxenti u żgħażagħ li huma aggressivi b’mod generali u dawk li jużaw l-abbuż u l-vjolenza bħala manifestazzjoni ta’ poter u kontroll fuq persuni ta’ awtorità. F’Malta, bħal f’pajjiżi oħra, niltaqgħu ma’ każijiet ta’ CPV. Ir-riċerka u x-xogħol relatat ma’ dan il-fenomenu hu limitat, kemm f’Malta kif ukoll barra minn pajjiżna. Dan għax l-għarfien dwar Child to Parent Violence għadu relattivament ġdid. Madanakollu, l-każijiet ta’ CPV ma jonqsux, u meta nirriflettu  dwar każijiet li saret ħidma magħhom fil-passat nirrealizzaw li kien ikun hemm kwistjonijiet li bl-għarfien li għandna llum nagħrfu li kienu jkunu każijiet ta’ CPV. Il-fatt li l-ġenituri jsibuha diffiċli biex jaċċettaw li t-tfal ikunu abbużivi jew vjolenti lejhom, ikkontribwixxiet sabiex ma jersqux għas-sapport li jista’ jkun ikollom bżonn. Dan għax il-ġenituri jħossuhom obbligati li jipproteġu lil uliedhom u għaldaqstant jiltaqgħu ma diffikultajiet biex jagħmlu rapporti. Illum il-ġurnata din ir-realta ta’ CPV kull ma jmur qed tiżdied. Għaldaqstant qed isiru sforzi sabiex professjonisti li jaħdmu fis-settur ikomplu jispeċjalizzaw sabiex ikunu jistgħu jkomplu jservu fl-aħjar interess tal-klijenti.”

 L-aġenzija qaltilna li “għal dawn l-aħħar snin, l-FSWS ħadmet ma’ professjonisti li huma esperti fis-settur sabiex is-servizz li qed jiġi offrut, jitjieb. Dan sabiex l-aħjar interess u l-ħarsien tal-klijenti jiġi assigurat. Id-Domestic Violence Service li jaħdem mal-każijiet ta’ CPV jaħdem ukoll fil-qrib ma’ servizzi oħra li jistgħu jissaportjaw lill-membri kollha tal-familja li tkun qed tesperjenza CPV. Primarjament dawn is-servizzi huma servizzi terapewtiċi li toffri l-FSWS stess, bħal Psychological Services ta’ Sedqa u l-Home Based Therapeutic Services. Servizz ieħor li jaħdem fil-qrib ma’ każijiet ta’ CPV hu s-servizz ta’ Youth In Focus li jaħdem ma’ adoloxxenti. Ma’ dawn hemm ukoll is-servizzi fil- komunità li jkunu ta’ sostenn għall-familji li jkunu qed jesperjenzaw diffikultajiet, fosthom CPV. Mhux neċessarjament li kull familja tkun qed tibbenefika minn dawn is-servizzi kollha, dan għax kull każ ikun uniku. Ħafna drabi jsir xogħol mat-tfal jew adoloxxenti li jkunu qed jużaw l-abbuż jew il-vjolenza filwaqt li fl-istess ħin jkun qed isir xogħol mal-ġenituri jew persuni li jieħdu ħsieb dawn l-istess tfal jew żgħażagħ. Matul din il-ħidma jkun hemm ċirkustanzi fejn isir xogħol mal-familja kollha. Dan isir bil-għan li titwaqqaf il-vjolenza fi ħdan il-familja.”

L-aġenzija kompliet tgħid li “mindu daħlet l-imxija tal- COVID19 f’Malta kellna żieda ta’ telefonati ta’ ġenituri f’diffikultà. Għalkemm kien hemm żieda, qabel ningaġġaw f’ħidma ma’  dawn il-każijiet, ikun hemm fażi t’assesjar fejn jiġi ddeterminat jekk il-każ inkwistjoni jkunx eliġibbli biex jibbenefika mis-servizzi ta’ CPV. F’każijiet fejn jiġi determinat li l-familja mhux eleġibbli, din il-familja tiġi riferuta għal servizzi oħra fi hdan il-FSWS li jkunu f’pożizzjoni li jistgħu joffru s-servizzi li jkunu meħtiega sabiex il-familja tkun issapportjata.”

Meta mistoqsijin dwar il-fatt li kellna ġenituri li lmentaw magħna li qed iħossuhom aktar mheddin minn uliedhom mindu daħlet l-imxija, l-aġenzija qaltilna li “sfortunatament, min mindu ġejna ffaċċjati bl-imxija tal-COVID19 diversi familji kellhom jadattaw għal realtajiet li mhux tas-soltu. Jista’ jkun il-każ li bidliet mhux mistennija, jikkawżaw stress jew ċirkustanzi ta’ ansjetà. Dawn jistgħu iwasslu sabiex rutini li jiffurmaw strutturi ta’ familji jitħarbtu. Apparti minn hekk; tfal, adoloxxenti, u żgħażagħ li s-soltu jkunu mpenjati fl-iskejjel, ċentri t’edukazzjoni, jew attivitajiet oħra spiċċaw dejjem id-dar b’aċċess limitat għal spazji fejn jistgħu jużaw l-enerġija tagħhom b’mod produttiv. Dan kollu seta’ jwassal biex persuni jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jirregolaw l-emozzjonijiet li ġew imqanqla sforz taċ-ċirkustanzi ġodda li sabu rwiehom fihom.”

Saħqu li “l-appell tal-professjonisti fi ħdan il-FSWS jkun dejjem ta’ ħeġġa sabiex individwi jew familji li qed jiltaqgħu ma’ diffikultajiet sabiex jagħmlu kuntatt mal-Aġenziji tal-FSWS sabiex jiksbu s-sapport li jkollom bżonn. Dan jista’ jsir billi jikkuntattjawna fuq dan in-numru: 22959000.”

Ekonomija

Sport