Fil-Parlament ġiet diskussa mozzjoni li tressqet mill-Oppożizzjoni li tipproponi emenda għall-Avviż Legali 98 tal-2023, li titratta ż-żamma tal-klieb.
Fil-mozzjoni jingħad li l-Oppożizzjoni taqbel mal-Artikoli proposti minn 1 sa 4 għax dawn jagħtu l-importanza biex klieb ta’ daqs differenti jkollhom spazju relatat mad-daqs tagħhom u allura adattat u bżonnjuż fejn jiġu miżmuma.
L-Oppożizzjoni iżda saħqet li ma tistax tifhem u taċċetta għalfejn id-dritt bażiku ta’ spazju għall-klieb differenti se jiġi mċaħħad milli jingħata lill-klieb kollha b’mod ugwali kif inhu mistenni. Fi kliem l-Oppożizzjoni stess se tkun qiegħda tinħoloq “diskriminazzjoni” għal dawk il-klieb li jgħixu ġewwa santwarji, pet shops u/jew stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni għall-klieb u l-qtates.
B’rabta ma’ din il-mozzjoni tkellmet is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said li qalet li l-Oppożizzjoni lanqas biss tat każ tal-liġijiet eżistenti rigward annimali li jinżammu f’dawn l-istabbilimenti.
Bugeja Said qalet li l-pet shops iżommu puppies għal żmien qasir fejn dawn ma jgħixux hemm b’mod permanenti. Qalet ukoll li s-santwarji u l-boarding kennels għandhom veterinarji apposta biex jipproteġuhom u jissalvagwardjaw saħħet l-annimali tagħhom. Dan filwaqt li l-liċenzja ta’ kwalunkwe tip ta’ stabbiliment tiġi mġedda sena b’sena u anke jsiru spezzjonijiet fihom.
“Għalfejn ħassejna bżonn li kellna nieħdu dan il-pass li tant dejjaq l-Oppożizzjoni? Ta’ min wieħed jinnota li r-rapporti li jirċievu l-Animal Welfare rigward il-magħlaq għal klieb jkunu l-aktar fuq djar residenzjali u postijiet l-oħra tal-pubbliku.
“Ftit li xejn huma dawn ir-rapporti li jirċievu fuq stabbilimenti privati bħal santwarji, kennels u pet shops għax huma ħafna aktar regolarizzati diġà. Meta mbagħad l-uffiċjali tal-Animal Welfare imorru fuq post residenzjali kienu ta’ spiss iħossu li avolja magħlaq tal-kelb ikun konformi mal-liġi ma kienx ikun adegwat biżżejjed għall-bżnnijiet tal-kelb,” kompliet tispjega Bugeja Said.
Hija żiedet tgħid li bħalissa għaddejjin numru ta’ żjarat f’dawn l-istabbilimenti biex jiġu mtejbin u jkun hemm aktar spazju għal klieb u annimali oħra. Qalet li qed isiru diversi konsultazzjonijiet interni dwar standards minimi li joffru protezzjoni lill-annimali fil-pet shops qabel ma ssir konsultazzjoni aktar wiesgħa mal-operaturi ta’ dawn in-negozji.
Qed isiru wkoll żjarat fis-santwarji sabiex ikun evalwat l-impatt tal-bidla fl-istandards minimi għas-santwarji tal-annimali u b’hekk jaraw x’tip ta’ għajnuna dawn għandhom bżonn biex nilħqu standards aktar għoljin.
Is-Segretarju Parlamentari saħqet li “bil-mozzjoni kif propsota, l-Oppożizzjoni hi lesta biex tagħlaq is-santwarji kollha ta’ Malta u Għawdex. Biex ma jkunx hemm diskriminazzjoni. Immaġinaw santwarji bħall-AAA, Noah’s Ark jew l-Island Sanctuary, li bejniethom iżommu aktar minn 200 kelb abbandunnat, jagħlqu ħesrem. X’se jsir minn dawn il-klieb? X’qed tipproponi li nagħmlu l-Oppożizzjoni b’dawn il-klieb?”
“Aħna mhux nagħlqu s-santwarji rridu imma ngħinuhom. Infakkar lil-Oppożizzjoni li bħalissa għaddejja ħidma sfiqa permezz ta’ esperti li qed iduri fis-santwarji biex inkomplu ngħinuhom. Dawn se jkunu qed iħejju rapport lill-Gvern biex jindikaw il-bżonnjijet infrastrutturali li għandhom bżonn diversi santwarji. Din hija miżura fil-manifest li fassalna biex ngħinu lis-santwarji.”
Bugeja Said semmiet ukoll li ta’ kull sena l-Gvern iqassam fondi lis-santwarji biex jgħinuhom fosthom bl-Animal Welfare Fund li s-sena l-oħra bbenefikaw minn dan il-fond aktar minn 17-il NGO.
“Aħna lis-santwarji rridu nkomplu ngħinuhom fil-missjoni tagħhom. Għalina s-santwarju huwa biss perjodu temporanju li jagħti refuġju lill-klieb jew il-qtates. Aħna bħala Gvern nemmnu fl-adozzjoni bħala proċess sabiex l-annimali abbandunati jsibu familji li jħobbuhom,” tenniet is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said.