Friday, December 13, 2024

BILJUN KONTRADIZZJONI (2)

Aqra wkoll

Smajna li jekk il-Partit Nazzjonalista jirbaħ il-gvern irid jiżviluppa mutur ekonomiku ġdid ibbażat fuq l-Intelliġenza Artifiċjali. Jien li naħdem fis-settur tat-teknoloġija diġitali, u nsegwi sew l-iżviluppi li pajjiżna jagħmel f’dan ir-rigward ikkonfondejt mhux ftit meta smajt dan. Bejni u bejn ruħi bdejt ngħid, il-Partit Nazzjonalista u l-istrateġisti tiegħu żgur qed jgħixu fl-istess pajjiż li ngħix fih jien? Ftit tas-snin ilu, il-gvern ħabbar taskforce, li mingħajr ma noqgħod insemmi ismijiet, hija magħmulha minn numru ta’ esponenti influwenti fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali. 

Fost il-membri ta’ dan it-taskforce hemm anke membri li politikament dejjem kienu qrib il-PN! Anke bis-saħħa ta’ dan it-taskforce, fl-2019 pajjiżna nieda l-iStrateġija Nazzjonali dwar l-Intelliġenza Artifiċjali bil-għan li pajjiżna jkun mal-aqwa 10 pajjiżi globali f’dan is-settur! Dan il-fatt ta’ min inqabbluh ma’ setturi li b’ħafna pompa, l-PN jiftaħar li ħoloq hu! 

Ilkoll naqblu kif is-settur tal-iGaming huwa settur importanti għal pajjiżna. Ilkoll naqblu illi dan is-settur jaf il-bidu tiegħu fi żmien gvernijiet Nazzjonalisti. Imma ma nistax ma nirrimarkax kif dan is-settur fil-bidu tiegħu kien iddominat minn negozji b’rabtiet mal-Mafja fl-Italja. Dan għaliex is-settur li ħolqu lanqas kellu l-pedamenti bażiċi ta’ framework regolatorju! Dan ħalla lok għal ħafna abbuż u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna kienet ilha minn dak iż-żmien sejra lura. Is-settur tal-iGaming ħa spinta ‘l quddiem u għadu għaddej b’rankatura b’saħħitha taħt gvern Laburista anke għax irregola s-settur b’mod aħjar u naddaf dawk l-elementi li kienu qed jikkaratterizzawh fl-ewwel snin. Umbad jiġi l-Kap tal-Oppożizzjoni u jridna nemmnuh li se joħloq settur ġdid ibbażat fuq l-Intelliġenza Artifiċjali! 

Dan meta l-pedamenti ta’ dan is-settur għadu kemm waqqafhom tant tajjeb gvern Laburista! Kull ma jonqos huwa issa li nibdew naħsdu l-frott ta’ dan ix-xogħol! Il-Compliance mhux hobż għal snienhom Qalulna wkoll kif iridu joħolqu mutur ekonomiku ġdid ibbażat fuq servizzi ta’ compliance u due diligence. Meta fl-istess waqt tħares lejn dak li potenzjalment jista’ jkun Kabinett Nazzjonalista ssib li l-maġġoranza tagħhom huma l-istess nies li kien hemm għaxar snin ilu. Kif diġà semmejt, il-qasam tal-iGaming li tant jiftaħru li ħolqu kien ibbażat fuq pedament legali bla saħħa ta’ xejn. L-istess jista’ jingħad fuq il-qasam tasservizzi finanzarji. 

Dawn jiftaħru li ħolqu s-settur tas-servizzi finanzjarji, imma kieku dan is-settur ħolquh mill-bidu bbażat fuq l-istess kunċetti ta’ compliance u due diligence li issa tant jitkellmu dwarhom, taħsbu li s-settur kien jispiċċa sfruttat kif kien qabel ma l-gvern ta’ Robert Abela daħħal riformi tant meħtieġa flaħħar sentejn? Tista’ qatt temmen illi l-istess nies li ħolqu setturi b’ħafna lakuni legali jistgħu qatt ikunu issa kapaċi joħolqu settur ġdid ibbażat fuq compliance u due diligence? Il-poplu jivvota għal manifest serju Fl-aħħar nett, kif tista’ titwemmen li se toħloq għaxar setturi ekonomiċi ġodda jekk sa nofs il-kampanja għad m’għandekx kelliem għall-ekonomija? Għaldaqstant, kieku jkunu fil-gvern, min se jkun imexxi dan il-ministeru tant imporanti? U min se jkun responsabbli li dawn l-10 setturi verament jimmaterjalizzaw? 

Nemmen li dak li ppruvaw jagħmlu l-PN fl-ewwel jiem tal-kampanja elettorali huwa li jkunu l-ewwel bil-proposti, anke jekk dawn ikunu għadhom nofs sajran! L-elettorat ma jagħżilx partit biex imexxih sempliċiment għax għaggel biex ikun minn tal-ewwel li jippublika il-manifest elettorali. Li tkun lewwel ma jfisser xejn. Il-poplu jagħżel l-iktar manifest studjat u kredibbli. U l-poplu dejjem għandu raġun! Brian Scicluna huwa Viċi Ċerpersin tal-Fondazzjoni Ideat, Membru tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista u konsulent fil-qasam diġitali.

Ekonomija

Sport