L-Ukrajna kisbet postha għall-ewwel darba fil-finali tal-Billie Jean King Cup wara li għelbet lill-Italja 2-0 fis-semi-finali. Anhelina Kalinina tat vantaġġ lill-Ukrajna b’rebħa ta’ 6-3, 6-4 fuq Tyra Caterina Grant, ta’ 18-il sena, qabel ma Elina Svitolina assigurat il-kwalifikazzjoni b’rebħa konvinċenti fuq Jasmine Paolini.
Svitolina, li tinsab fis-seba’ post fir-rankings tad-dinja, għelbet lil Paolini 6-2, 6-2 f’siegħa u tliet minuti. Il-player Ukrena ddominat il-logħba u kisret is-serve tal-avversarja tagħha tliet darbiet fl-ewwel set u darbtejn fit-tieni set. Paolini, li qabel kienet finalista fl-Open ta’ Franza u f’Wimbledon, ma rnexxilhiex toħloq sfida serja.

Ir-rebħa kienet partikolarment sinifikanti għall-Ukrajna wara li l-Italja kienet għelbitha 2-1 fis-semi-finali tas-sena l-oħra. Din id-darba, l-Ukrajna kisbet it-tpattija mingħajr Marta Kostyuk, li tinsab fl-għaxar post fid-dinja iżda ma setgħetx tilgħab minħabba injury fil-polz.
Fil-finali, l-Ukrajna se tiltaqa’ mar-Repubblika Ċeka, li għelbu lil Spanja fis-semi-finali. Linda Noskova, champion ta’ Wimbledon, u Karolina Muchova t-tnejn kisbu rebħiet f’żewġ sets biex wasslu liċ-Ċeki għall-ewwel finali tagħhom mill-2018.
Ir-Repubblika Ċeka issa se tkun qed timmira għat-12-il titlu tagħha f’din il-kompetizzjoni ewlenija tat-tennis tan-nisa bejn it-timijiet nazzjonali.
Għall-Italja, it-telfa fissret it-tmiem tat-tentattiv tagħha li tirbaħ it-titlu għat-tielet sena konsekuttiva. L-Italja kienet waslet għall-kompetizzjoni bħala ċ-champions renjanti, wara li rebħet it-trofew fl-aħħar sentejn. Is-sitt titli tagħha jinkludu r-rebħa ta’ 2-0 fuq l-Istati Uniti fil-finali tas-sena l-oħra.
Għall-Ukrajna, madankollu, dan huwa mument storiku hekk kif it-team se jilgħab fl-akbar finali fil-Billie Jean King Cup fl-istorja tiegħu.





