Tuesday, January 21, 2025

“B’investiment ta’ madwar €11-il miljun fis-sena se ngħinu lil min jeħtieġ għajnuna fil-ħlas tal-kera”- Il-Ministru Roderick Galdes

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, ħabbar l-implimentazzjoni tal-miżura tal-Budget 2025 relatata mal-Benefiċċju tal-Kera. Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Galdes saħaq li minn din is-sena, l-ammont massimu tad-dħul annwali fuq il-kategoriji kollha tal-Benefiċċju tal-Kera żdied b’€1,000.

“Din hija miżura b’saħħitha li permezz tagħha qegħdin inkunu spalla ma’ spalla mal-familji. Bħala Gvern wegħidna li se nkunu ta’ sostenn għall-familji, inkluż fejn jidħol pagamenti ta’ kera, u hekk qegħdin nagħmlu biċ-ċar permezz tat-tisħiħ tal-Benefiċċju tal-Kera. Din hija waħda mill-miżuri ewlenin li bħala Gvern implimentajna fl-aħħar snin, u li permezz tagħha, għandna madwar 3,100 familja li qed tgawdi minnha. Dan ifisser investiment ta’ madwar €11-il miljun fis-sena li huwa ntiż sabiex ngħinu lil min jeħtieġ għajnuna fil-ħlas tal-kera u b’hekk qegħdin inħallu madwar  €11-il miljun fil-bwiet tan-nies,” stqarr il-Ministru Galdes.

Il-Ministru sostna li l-aħħar statistika uffiċjali turi li 85% tal-Maltin huma sidien ta’ darhom. “Minkejja dan, ninsabu konxji li hemm individwi li minħabba realtajiet soċjali u ekonomiċi jeħtieġu għajnuna sabiex jikru r-residenza tagħhom. Dan il-benefiċċju huwa xhieda tal-politika ta’ dan il-Gvern li mhux talli ma jgħalaqx għajnejh għal dawn ir-realtajiet, talli qed ikun spalla ma’ spalla ma’ dawn l-individwi, tant li bħala medja, il-Gvern qed joffri għajnuna li tlaħħaq it-€3,500 fis-sena lil kull min qiegħed jibbenefika minn dan il-benefiċċju,” kompla l-Ministru Galdes.

Il-Ministru elenka kategoriji differenti ta’ individwi li qed jibbenefikaw minn din l-iskema, u l-għajnuna li qed jingħataw. Persuna li tgħix weħidha bi dħul finanzjarju sa massimu ta’ €21,635 hija ntitolata għal benefiċċju li jista’ jlaħħaq l-€4,200 fis-sena. Fir-rigward ta’ ġenitur waħdu b’żewġt itfal jew aktar, bi dħul finanzjarju sa massimu ta’ €26,216, il-benefiċċju massimu jlaħħaq is-€6,000 fis-sena. Fir-rigward ta’ koppja b’żewġt itfal jew aktar, bi dħul finanzjarju sa massimu ta’ €34,635, il-benefiċċju massimu huwa ukoll ta’ €6,000.

“Dawn huma miżuri importanti fil-qasam tal-akkomodazzjoni affordabbli, li kollha kemm huma qed jwasslu għal qabża fil-kwalità fil-ħajja tar-residenti, fattur li huwa ferm għal qalbna,” ikkonkluda l-Ministru Galdes.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa spjega li “permezz tal-Customer-Centric Approach tagħha, l-Awtorità qiegħda tpoġġi r-realtajiet u l-aspirazzjonijiet tal-familji li sservi, fiċ-ċentru tal-operat kollu tagħha.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport