Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi indirizza konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta li rridu għal uliedna’. Huwa spjega kif id-diskors tal-Budget li ppreżenta l-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana kważi ġimgħatejn ilu jinkludi diversi inizjattivi relatati ma’ proġetti li għalihom huwa ppjanat li jinkisbu fondi Ewropej għall-ko-finanzjament tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari qal li ftit ġimgħat ilu kien preżenti f’Lussemburgu għal-laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi tal-Unjoni Ewropea, magħrufa aħjar bħala l-ECOFIN, li matulha ġie approvat il-Pjan ta’ Malta għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li jinkludi 17-il proġett u 30 riforma li jridu jiġu mwettqa fis-snin li ġejjin bi spiża total ta’ €345 miljun, li madwar €320 miljun minnhom ġejjin f’għotja diretta mill-Unjoni Ewropea.
Dr Zrinzo Azzopardi fakkar li din l-għotja hija parti mill-allokazzjoni ta’ fondi Ewropej għal Malta għas-seba’ snin 2021-2027 – allokazzjoni rekord, id-doppju ta’ dak li kienet kisbet Malta fis-seba’ snin ta’ qabel.
Wara li ġie konkluż il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza, is-Segretarju Parlamentari spjega kif issa se jkun qed jiġi ffirmat il-ftehim ħalli Malta tirċievi l-ewwel għotja ta’ €41 miljun. Għaddejjin ukoll it-tħejjijiet sabiex ikunu jistgħu jibdew jitwettqu diversi proġetti inklużi f’dan il-pjan, li wħud minnhom jissemmew fid-diskors tal-budget għas-sena d-dieħla.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi semma diversi proġetti inklużi fil-Budget 2022. Fost dawn insibu bosta proġetti ambjentali bħall-għajnuna għax-xiri tal-karozzi elettriċi, l-installazzjoni taċ-charging pillars mal-pajjiż kollu, il-bini tal-moll tal-irmiġġ f’San Pawl il-Baħar, il-bini sostenibbli ta’ skola ġdida kważi ħielsa mill-emmissjonijiet tal-karbonju, u l-proġett Shore-to-Ship biex il-vapuri li jidħlu fil-Freeport jużaw l-elettriku mill-grid nazzjonali u b’hekk jonqsu l-emmissjonijiet fl-inħawi ta’ Birżebbuġa.
Huwa semma wkoll diversi proġetti b’konnessjoni mat-tranziżżjoni diġitali, fosthom dak fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Mater Dei. Fil-qasam tas-saħħa, il-fondi Ewropej se jintużaw biex jinxtara apparat sofistikat għaċ-Ċentru tal-Onkoloġija sabiex ikun jista’ jingħata trattament aħjar lill-pazjenti li jimirdu bil-kanċer. Barra minn hekk, se jinbena ċentru ġdid għall-kollezzjoni tad-demm, ipproċessar u ħażna tat-tessuti u ċelloli staminali.
Dr Zrinzo Azzopardi tkellem ukoll dwar l-enfasi fid-diskors tal-Budget fuq il-ħtieġa tat-tagħlim u t-taħriġ u kif l-fondi Ewropej se jkunu ta’ sostenn qawwi għal diversi inizjattivi biex aktar żgħażagħ ta’ sittax-il sena jkomplu jistudjaw jew jitħarrġu, u jiżdied ukoll it-taħriġ fil-ħiliet il-ġodda li qed jintalbu llum.
Bħalissa għadhom kemm intemmew il-konsultazzjonijiet pubbliċi ma’ stakeholders primarji dwar programmi oħra ta’ infiq mill-allokazzjoni ta’ Malta. Dawn jinkludu l-Fond Soċjali Ewropew Plus (ESF+), il-Fond ta’ Koeżjoni, mill-fond magħruf bħala Just Transition Fund (JST), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), il-Fond Ewropew għall-Qasam Marittimu, is-Sajd u l-Akkwakultura (EMFAF), u l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF). Wara li ntemmet din il-konsultazzjoni, is-suġġerimenti u l-kummenti tal-pubbliku dwar dawn il-programmi ta’ investimenti ġew evalwati biex titressaq il-verżjoni uffiċjali għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea sabiex imbagħad ikunu jistgħu jibdew jiġu implimentati.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi temm jgħid li dan il-budget ikompli jisħaq fuq l-importanza tal-qasam soċjali u s-solidarjetà. Permezz tal-fondi Ewropej, se nkomplu nibnu Malta u Għawdex li rridu għal uliedna.