BirdLife Malta rreferiet għall-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fuq il-baħar mill-1 ta’ Ottubru fejn skont tagħrif miġbur minnha fl-aħħar jiem hemm indikazzjoni ta’ dik li qiegħda ssejjaħ bħala “persekuzzjoni kontinwa” u “bla limitu” fil-konfront ta’ speċi li jgawdu protezzjoni għolja kemm mill-art kif ukoll fuq il-baħar, fl-istess ħin li r-riżorsi marbutin mal-infurzar mhux qegħdin ilaħħqu mar-rapporti li qed jidħlu. BirdLife qalet li fost l-ispeċi li spiċċaw fil-mira tal-kaċċa illegali fl-aħħar ġimagħtejn hemm Ajkli tat-Tikek, Ajkla Bajda, Ċikonji Suwed, Astuni Suwed u Kuċċard.
Fl-aktar każ riċenti li jkompli juri b’mod ċar l-impatt internazzjonali li l-istaġun tal-kaċċa tal-ħarifa li għaddej bħalissa qed ikollu fuq speċi Ewropej, Astun Iswed li faqqas fir-Repubblika Ċeka li kien qed jiġi segwit bil-GPS ma baqax jittrażmetti wara li passa lejn Malta. L-għasfur, bil-kodiċi OT-093, kien wieħed minn żewġ Astuni Suwed frieħ li ġew salvati mill-bejta qrib il-belt ta’ Ostrava fil-Grigal tar-Repubblika Ċeka, wara li ġew abbandunati mill-ġenituri. Dilettant lokali salvahom u ħadhom f’ċentru tas-salvataġġ, fejn ġew imrobbija sakemm laħqu l-età li jtajru. Aktar tard tpoġġew f’bejta ta’ żewġt ifrieħ oħra fix-Xlokk tar-Repubblika Ċeka, bl-erbat ifrieħ kollha jitwaħħlulhom GPS transmitters li jaħdmu bl-enerġija mix-xemx sabiex tkun tista’ tiġi studjata l-passa tagħhom mill-Università tax-Xjenzi Veterinarji ta’ Brno.
OT-093 beda l-vjaġġ tal-passa tiegħu fit-23 ta’ Settembru fid-direzzjoni tal-Lbiċ lejn l-Awstrija, l-Ungerija, is-Slovenja, il-Bożnija-Ħerzegovina, u l-Kroazja. Qasam il-Baħar Adrijatiku fid-29 ta’ Settembru u baqa’ jtir fid-direzzjoni tan-Nofsinhar sal-aħħar lejl tiegħu fin-naħa t’isfel ta’ Sqallija fit-2 ta’ Ottubru. Fit-3 ta’ Ottubru kompla fid-direzzjoni tan-Nofsinhar fi triqtu lejn Malta, u tar minn fuq Għawdex fis-2:30pm, sakemm siegħa wara wasal fl-inħawi tar-Rabat u Ħad-Dingli, fejn niżel biex jorqod fis-siġar fil-Fawwara. L-għada filgħodu t-trażmissjoni waqfet ħesrem.
Dan hu t-tieni każ f’ġimgħa ta’ għasfur li kien qed jiġi segwit u li sparixxa f’Malta. Aktar kmieni nhar it-Tnejn, Kuċċarda li kienet waslet Malta fil-15 ta’ Settembru għajjiena mejta mill-vjaġġ tal-passa tagħha u spiċċat f’appartament f’Tal-Pietà, inħelset lura fin-natura fuq Kemmuna, wara perjodu qasir ta’ riabilitazzjoni f’idejn BirdLife Malta li matulu ħadet lura saħħitha biex tkun tista’ tkompli tpassi. Malli nħelset fit-2 ta’ Ottubru, it-tajra taret fid-direzzjoni tan-Nofsinhar lejn il-Buskett, u kompliet nieżla aktar ’l isfel waranofsinhar, sakemm waqfet tittrażmetti għall-ħabta tal-4:30pm fil-limiti ta’ Birżebbuġa. Fiż-żewġ każi t-trackers li kellhom l-għasafar jidher li ġew meqruda malli l-għasafar inqatlu.
BirdLife kompliet biex tispjega dwar il-ħidma ta’ konservazzjoni min-naħa tal-istaff tagħha, birdwatchers u voluntieri biex jippruvaw jipproteġu speċi bħal dawn matul l-aħħar jiem. Kompliet biex tgħid dwar l-isfidi li affaċċjaw minħabba li kien hawn passa tajba b’ammont ta’ speċi rari ta’ għasafar li normalment jispiċċaw fil-mira tal-kaċċa illegali għal skopijiet ta’ bbalzmar, bħalma huma Ċikonji Suwed u Bojod, u diversi speċi ta’ ajkli – l-Ajkla tal-Kalzetti, l-Ajkla Bajda u l-Ajkla tat-Tikek.
Il-Kap tal-Konservazzjoni ta’ BirdLife Malta Nicholas Barbara kkummenta: “Huwa ċar li għaddej staġun miftuħ għal speċi li tipikament huma mfittxija għall-kollezzjonijiet tal-ibbalzmar, u dan qed jiġri mhux biss fuq l-art imma anke fuq il-baħar, hekk kif ħafna qed jieħdu vantaġġ mir-riżorsi dgħajfa tal-pulizija fuq l-art, u n-nuqqas assolut ta’ riżorsi fuq il-baħar.”
BirdLife kompliet biex tispjega li l-istaġun tal-kaċċa fuq il-baħar ifisser aktar minn 290 kaċċatur liċenzjat fuq id-dgħajjes biex jiġru wara l-għasafar tal-passa fuq baħar miftuħ 3 km ’il barra mill-kosta. Proposta tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) li hemm quddiem il-Kumitat ORNIS li se jiltaqa’ llum, qed tipproponi li din id-distanza titnaqqas għal 1 km, biex il-kaċċaturi jkunu jistgħu jersqu eqreb lejn il-kosta.
“Din hija mossa mhux meħtieġa li twassal biss għall-qerda ta’ aktar għasafar protetti li forsi wara li jkun irnexxielhom jeħilsuha mill-istaġun attwali tal-qtil tal-għasfar f’Malta, jispiċċaw xorta waħda fil-mira tal-kaċċa anke fuq il-baħar, fejn l-infurzar huwa aktar diffiċli”, tenniet BirdLife.
BirdLife Malta tappella lill-pubbliku biex jersaq ’il quddiem b’kull tagħrif li jista’ jkollu dwar inċidenti bħal dawn ħalli jassisti lill-pulizija fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom fl-infurzar tal-illegalitajiet tal-kaċċa. Ir-rapporti jistgħu jsiru bit-telefon lill-EPU fuq 119, u lilna fuq 2134 7645/7925 5697 jew permezz ta’ email lil [email protected].