Saturday, May 4, 2024

Il-Mental Health Helpline rċeviet 5,751 telefonata f’temp t’10 xhur

... aktar minn 2,000 minnhom saru fi żmien tliet xhur

Aqra wkoll

Bejn Novembru 2022 u Awwissu li għadda, il-Mental Health Helpline rċeviet xejn inqas minn 5,751 telefonata, bl-iktar xhur impenjattivi jkunu dawk ta’ Marzu, Lulju u Awwissu 2023.

Qal dan il-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Ian Vassallo.

Matul it-tliet xhur imsemmija, saru 2,062 telefonata f’din l-ordni: Lulju (706), Awwissu (690), u Marzu (666) rispettivament.

Dan is-servizz ta’ Helpline, li tnieda f’Novembru 2022 fid-dawl taż-żieda ta’ każijiet ta’ saħħa mentali madwar id-dinja – anki b’rabta mal-impatt tal-pandemija tal-Covid-19 – jopera 24 siegħa kuljum bi tmien psikoloġisti kwalifikati.

Illum, l-10 ta’ Ottubru, huwa l-Jum Dinji ddedikat għall-Għarfien dwar is-Saħħa Mentali. Dawk il-persuni li jista’ jkun li għaddejjin minn żmien kemxejn diffiċli huma mħeġġa jfittxu l-għajnuna u jċemplu fuq 1579 fejn hemm diversi professjonisti lesti biex ikunu ta’ sapport għalihom.

Sport