Saturday, May 4, 2024

Interċettati 310 każi ta’ vjolazzjoni mill-MTA b’rabta ma’ operat bla liċenzja u ksur ta’ regolamenti

… kważi żewġ terzi tagħhom instabu din is-sena

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar sentejn, bejn l-2021 u l-2023, l-uffiċjali tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) interċettaw 310 każi ta’ vjolazzjoni li l-maġġorparti tagħhom instabu din is-sena (193 każ); dan filwaqt li kien hemm 69 fl-2021 u 48 vjolazzjoni oħra fl-2022.

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo spjega fil-Parlament li fl-2021, b’rabta mad-69 vjolazzjoni mwettqa, l-Awtorità – li xogħolha ma kienx biss li tara li l-istandards imposti mil-liġi jiġu osservati imma kellha wkoll l-irwol importanti li tassigura li l-protokolli maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa jiġu mħarsa minn kulħadd – ipproċediet b’azzjoni legali li tinkludi multi amministrattivi u 17-il avviż ta’ infurzar.

Rigward in-natura tal-vjolazzjonijiet, huwa qal li dawn kienu jinkludu operat mingħajr liċenzja, nuqqas ta’ osservazzjoni ta’ regolamenti oħra skont il-liġi, kif ukoll ksur ta’ protokolli fir-rigward tal-Covid-19.

Fid-dawl tal-vjolazzjonijiet imwettqa fl-2022, hu fisser li l-Awtorità pproċediet b’azzjoni legali li tinkludi multi amministrattivi u erba’ avviżi ta’ infurzar, filwaqt li għall-vjolazzjonijiet ta’ din is-sena l-Awtorità pproċediet b’azzjoni legali li tinkludi ittri ta’ twissija, multi amministrattivi u sitt avviżi ta’ infurzar.

Bartolo żied jgħid li dawn il-vjolazzjonijiet kienu jikkonċernaw dawk li kienu qed joperaw mingħajr liċenzja kif ukoll dawk li kellhom il-liċenzja iżda ma kinux qed josservaw regolamenti oħra skont il-liġi.

B’rabta ma’ dan, huwa qal li l-operaturi ġew imwissija biex jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom skont il-liġi.

Il-Ministru Bartolo ta dan it-tagħrif fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista, Mario de Marco.

Sport