Saturday, December 28, 2024

Birdlife tallega li ġabru għasafar feruti minn żoni protetti

Aqra wkoll

L-NGO Birdlife allegat li kienu ġabru mill-inqas erba’ għasafar feruti minn żoni protetti bħall-Buskett u l-Għadira. Skont il-Birdlife, dawn inġabru matul l-aħħar ġimgħa.

L-Għaqda qalet li dawn l-għasafar feruti nġabru hekk kif fl-aħħar jiem seħħew diversi inċidenti fosthom li “fih kaċċatur inqabad minn membru tal-pubbliku jispara fuq Qerd in-Naħal fil-Buskett fit-18 ta’ Settembru, bl-għasfur jinġabar u jiġi mgħoddi f’idejn il-pulizija tal-Environmental Protection Unit (EPU). L-għada nġabar ukoll mill-Buskett Buqrajq ferut.

Ilbieraħ, staff ta’ BirdLife Malta li kienu fir-Riserva Naturali tal-Għadira ġabru Arpa li spiċċat fil-mira ta’ tiri ta’ senter wara li l-għasfur niżel ferut fuq waħda mill-gżejjer li hemm fir-Riserva. It-tajra tal-priża mietet il-Ħadd.

Gawwija Prima messha l-istess destin u nstabet mejta fir-Riserva Naturali tas-Salina fl-aħħar sigħat. L-għasafar kollha kienu kkonfermati mill-veterinarju tal-Gvern bħala “vittmi tal-kaċċa illegali”.

Qalu li dawn l-erba’ għasafar jiżdiedu ma’ żewġ Qerd in-Naħal oħra li nġabru minn Ħal Far u s-Siġġiewi, fid-19 u t-23 ta’ Settembru rispettivament. Il-Pulizija ġabru wkoll Gamiema tal-Kullar li wkoll spiċċat fil-mira tal-kaċċa illegali minn Ħal Qormi fit-18 tax-xahar.

Birdlife allegat ukoll li nhar it-Tlieta filgħodu, f’Tal-Ħandaq, wieħed mit-timijiet tagħha osserva Russett Griż qed jitniżżel minn kaċċatur quddiem għajnejh. Allegaw li l-għasfur laħaq ġie salvat qabel ma l-kaċċaturi waslu għalih, u l-għasfur imbgħad ttieħed għar-riabilitazzjoni wara li l-veterinarji ċċertifikaw li kien mimli ċomb.

Ekonomija

Sport