Monday, May 13, 2024

Birdlife tirrapporta dwar it-tieni Arpa fil-mira ta’ kaċċa illegali fi ftit jiem

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat Birdlife irrappurtat dwar it-tieni każ ta’ kaċċa illegali bit-tieni Arpa tispiċċa vittma ta’ dan l-aġir. Fi stqarrija maħruġa minnha Birdlife qalet li ftit kellu jgħaddi żmien biex wara l-Arpa li nġabret minnhom fir-Riserva Naturali tal-Għadira li sfortunatament mietet il-Ħadd tinstab it-tieni waħda b’destin xejn aħjar minn tagħha.

Rigward din it-tieni Arpa, l-NGO qalet li din it-tajra tal-priża kellha ċrieket tal-kulur imwaħħlin ma’ saqajha. Kompliet biex tgħid li, l-Arpa ppruvat tinżel fuq waħda mis-siġar qrib il-Buskett wara li sfat milquta, iżda minħabba ġrieħi li sofriet f’saqajha spiċċat fl-art. Minn hemm Uffiċjali tal-Environmental Protection Unit (EPU) tal-Pulizija ġabru l-għasfur bl-għajnuna ta’ birdwatchers u ħaduh mill-ewwel għand il-veterinarju.

L-NGO qalet li r-riżultat wera ċar li biċ-ċomb li qalgħet l-Arpa kellha saqajha t-tnejn miksurin, u f’din is-sitwazzjoni ma kellha l-ebda ċans li tirkupra. L-għasfur hu ferħ li twieled ftit xhur ilu fil-Latvja, u kien fuq l-ewwel vjaġġ tiegħu lejn l-Afrika għax-xitwa. Fil-fatt kien ikkonfermat li l-Arpa ġiet irringjata f’Lulju ta’ din is-sena fil-bejta qrib il-villaġġ ta’ Blīdene (Muniċipalità ta’ Saldus), fil-Latvja. Tenniet li dan it-tagħrif seta’ jinkiseb wara kuntatt li l-BirdLife Malta Ringing Scheme għamlet mill-ewwel mal-iskema tar-ringing tal-Latvja, bis-saħħa tad-dettalji li kien hemm fuq iċ-ċurkett tal-metall ET8905 u ċ-ċurkett tal-kulur (aħmar bil-kliem abjad) EN3 li kien liebes l-għasfur.

Żiedet biex tgħid li sfortunatament, il-vjaġġ ta’ dan l-għasfur, madanakollu, intemm ħesrem riżultat dirett tal-istat ta’ impunità li jinsab fih is-settur tal-kaċċa f’pajjiżna. “Snin ilu kien ikun impost curfew fit-3:00 p.m sabiex dawn it-tip ta’ għasfar jiġu mħarsa milli jispiċċaw jiġu kkaċċjati hekk kif jaslu Malta biex jistrieħu matul il-lejl. Ħafna mill-kaċċa li tiġi osservata waranofsinhar tkun proprju fuq speċi protetti bħal dawn”, saħqet il-Birdlife.

Wara dan l-aħħar episodju l-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana rreaġixxa f’filmat jista’ jiġi aċċessat minn din il-ħolqa:
https://bit.ly/3RDjQm0.

Sport